Where your opinion counts

X’inhi l-Ewġenika u l-oriġini tagħha?

Kitba ta’ John Spiteri Gingell

L-ewwel parti

F’Malta għadna kif daħħalna liġi li tattakka l-integrità u d-dinjità tal-persuna umana, liġi li mhux biss ma tiddefendix il-protezzjoni tal-embrijun iżda li de facto introduċiet f’pajjiżna l-ewġenika u apparti li tmur totalment kontra t-tagħlim nisrani, fil-fatt tikser ukoll Artiklu 3B fic-charter tal-fundamental rights tal-Unjoni Ewropea.

L-ewġenika hija l-pratikka ta’ riproduzzjoni selettiva bl-intenzjoni li jitkattru dawk il-karatterestiċi ġenetiċi li huma meqjusa bħala desiderabbli u s-suppresjoni ta’ dawk li mhumiex.

Storikament din il-prattika għandha żewġ forom – dik imsejħa pożittiva – fejn nies li huma meqjusa superjuri huma inċentivati biex jirriproduċu aktar u dik negattiva fejn dawk meqjusa inferjuri jieġu pprojbiti permezz ta’ liġijiet, vjolenza jew saħansitra anki mewt.   

Il-kunċetti wara l-ewġenika mhumiex xi kunċetti ġodda; tassew imorru lura millenji – u minkejja l-pretenzjonijiet tagħna li aħna b’xi mod moderni u progressivi, fil-verità m’hawn xejn ġdid taħt il-kappa tax-xemx u bħall-abort u l-infantiċidju, l-ewġenika għandha ġenesi barbaru u primittiv.

Qrib is-sena 400 qabel Kristu, fil-ktieb tiegħu “Ir-Repubblika”, Platun issuġġerixxa li fiha kellu jsir tgħammir b’mod selettiv ikkontrollat mill-istat biex tinħoloq klassi superjuri fejn in-nies imnissla minnha kellhom jieġu maħtura bħala l-gwardjani tas-soċjetà. Fost l-istudjużi tiegħu, għad jeżisti diżgwid dwar jekk Platun kienx tassew jemmen fl-ewġenika jew, peress li bħal Utopia ta’ Sir Thomas More, “Ir-Repubblika” huwa xogħol ta’ natura utopika, jiġifieri post ideali li fil-fatt qatt ma jista’ jeżisti (il-kelma utopia bil-Grieg tfisser post li ma jeżistix) u allura ma nafux Platun kienx qed sempliċiment juri l-impossibbiltà li din l-idea qattx tiġi aċċettata etikament mill-poplu.  Fil-fatt huwa jikteb li sabiex in-nies b’xi mod jaċċettawha, il-verità kellha tinħeba wara l-gidba li n-nies li kellhom jintgħażlu biex jgħammru, kienu ser jintgħażlu permezz ta’ lotterija.

Kienu x’kienu l-intenzjonijiet ta’ Platun, m’hemm l-ebda dubju dwar dawk tal-Ispartani, għax fi Sparta kull tarbija kienet tiġi spezzjonata għad-difetti minn kunsill tax-xjuħ tal-belt magħruf bħala “Gerousia”, u li wara jagħmel dan, il-kunsill kien jaqtagħha jekk dik it-tarbija kellhiex titħalla tgħix jew tiġix maqtula.  Fiż-żmenijiet tar-repubblika Rumana, il-missier ta’ familja kien obbligat bil-liġi biex joqtol it-tarbija minnufih jekk din titwieled b’diformitajiet serji. Tacitus, l-istoriku Ruman mill-banda l-oħra jgħidilna fil-ktibiet tiegħu dwar it-tiribujiet Ġermaniċi ta’ żmienu li dawn kienu joqtlu lil kull membru tal-kommunita’ tagħhom li kien meqjus dgħajjef jew marradi. Ma’ dawn il-ftit eżempji nistgħu nżidu ferm iżjed li kieku kellna l-ħin u l-ispazzju però nżid ngħid biss li wara l-prattika tal-ewġenika għar-raġunijiet bijoloġiċi minn żmien il-brodu sal-lum hemm kurrent ta’ ħsieb saħansitra aktar primordjali – dak tas-sagrifiċċju uman.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *