Where your opinion counts

L-Oppożizzjoni għandha tivvota mal-Gvern favur il-konferma tal-Ispeaker: ix-xogħol li għamel jikkonferma li għandu jibqa’ fil-kariga

Il-bieraħ, The Malta Independent on Sunday tatna intervista ma’ Anglu Farrugia. Din l-intervista qed tkun ippubblikata ftit ġranet qabel jingħajjat il-Parlament u l-ewwel biċċa xogħol hija li jkun ikkonfermat Anglu Farrugia bħala Speaker.

Skond kliem l-istess Prim Ministru, ma kienx ħass il-ħtieġa li jinbidel l-iSpeaker tal-Parlament u allura mistenni li Anglu Farrugia jibqa’ imexxi f’dik il-kariga kostituzzjonali. Il-Gvern għandu l-maġġoranza neċessarja biex jikkonferma lill-ispeaker.

F’dan il-kuntest, huwa interessanti x’ser tkun il-mossa tal-Oppożizzjoni. Quddiemha għandha l-għażla li tivvota mal-Gvern jew tivvota kontra din l-għażla. Jien naħseb li hu fl-interess tal-Oppożizzjoni li tivvota favur li Anġlu Farrugia jkun re-konfermat Speaker.

Qed ngħid dan għaliex The Malta Independent staqsiet lil Anġlu Farrugia x’jagħmel jekk l-Oppożizzjoni tivvota kontra tiegħu? Farrugia qal li hu lest li jieħu l-pożizzjoni xorta waħda. Ir-raġuni prinċipali hija li din il-pożizzjoni tintela b’maġġoranza sempliċi skond il-kostituzzjoni. Allura hu jkun lest li jżomm il-pożizzjoni ta’ Speaker anke jekk l-Oppożizzjoni tivvota kontra tiegħu. Dan wieħed jifhmu. L-iSpeaker jista’ jaċċetta il-kariga jekk il-Kamra ma tkunx kollha warajh. L-importanti hu li għandu l-vot tal-maġġoranza tad-deputati.

Mela għala l-Oppożizzjoni għandha tivvota favur Anglu Farrugia? L-ewwel biex turi li l-Oppożizzjoni qed tibda paġna ġdida u qed tinfatam minn Repubblika. Anki jekk l-Oppożizzjoni tivvota kontra, Anġlu Farrugia ser jieħu din il-kariga. Dan qalu ċar fl-intervista. It-tieni, jekk tivvota kontra tkun qed tagħmel żball politiku, fil-kuntest, li Robert Abela ma żammx lil dawk li kienu mitqiesha ta’ Muscat jew marbuta mal-amministrazzjoni ta’ Muscat. Farrugia ma jistax jitqies li hu ta’ Muscat, imma żgur li jista’ jitqies parti mill-gvern jew dawk appuntati minn Muscat. B’hekk jekk l-Oppożizzjoni tivvota kontra Anġlu Farrugia tkun qed tnaqqas l-impatt li kellha d-deċiżjoni fuq l-elettorat Laburista li deputati ta’ Muscat tħallew barra.

Min-naħa tiegħu, Anġlu Farrugia fakkar li fid-darbtejn li sar vot fuq l-għażla tiegħu, fl-2013 Gonzi ivvota kontra u fl-2017 Busuttil kien ivvota favur. Jiġifieri issa jistgħu wkoll jivvutaw favur tiegħu għaliex dan sar qabel. B’hekk l-Oppożizzjoni tkun qed tibqa’ konstanti mal-pożizzjoni li ħadet fl-2017.

Imbagħad hemm raġunijiet oħra għala l-Oppożizzjoni għandha tivvota favur Anġlu Farrugia. Meta tara kif irrisponda l-mistoqsijiet li għamlitlu l-Malta Indepedent, huwa ppreparat għal dan ix-xogħol u kważi kważi, tifhem li Robert Abela ma kellux għażla oħra ħlief li jerġa jipproponi lilu.

Infatti, meta mistoqsi dwar in-numru esaġerat ta’ deputati, huwa indika li jaqbel mal-mekkaniżmu favur il-perċentwali tan-nisa. Iħoss li huwa nuqqas tal-partiti politiċi li ma jressqux biżżejjed kandidati nisa għall-elezzjonijiet ġenerali. Biss iħoss li kien hemm bżonn dan il-mekkaniżmu biex jinħoloq bilanċ imma jaħseb li għandu jkun ta’ darba biss bħalma sar mill-Gvern tal-Kosovo.

Fir-rigward ta’ deputati full-time, Anglu Farrugia qal li ma tistax tisforza persuna li jabbanduna l-professjoni tagħha biex tingħaqad mal-parlament full-time. Hu jaħseb li l-aħjar deċiżjoni tkun li l-parlament jiffunzjoni fuq sistema hybrid, bil-kondizzjoni li tinħadem paga idonea għal dawk li jiddeċidu li jkunu deputati full-time. Dan irid isir biex jiġu mħajjra nies ta’ stoffa lejn il-parlament.

Mistoqsi dwar deċiżjonijiet li jittieħdu f’ċertu kumitati tal-parlament, Dr Farrugia stqarr li dawn il-kumitati għandhom liġijiet speċifiċi li jmexxuhom. Huwa qal li ssir ħafna kritika imma hemm bżonn li min jikkritika jkun jaf il-liġi li timplika l-mod kif jittieħdu d-deċiżjonijiet. Farrugia qal ukoll li bl-istess kejl wieħed irid jieħu u jikkritika r-rulings li huwa jagħti fil-parlament. Huwa jsostni li hu dejjem ħa d-deċiżżjonijiet skond il-liġijiet imposti.

Fil-fatt hu jgħid li 25% tar-rulings marru favur l-Oppożizzjoni. Dan juri, skond Farrugia, li hemm liġijiet li jikkostrinġuh kif jiddeċiedi r-ruling tiegħu. Farrugia jħoss li hemm neċessita’ urġenti li jinbidlu l-liġijiet li jorbtu l-kastig li wieħed jagħti. Huwa jgħid li dawn iridu jkunu modernizzati ħalli jkopru aktar possibilita’ li l-kastig ikun konformi mat-tnaqqis ta’ xi deputat.

Anglu Farrugia jfakkar li hu jippubblika r-rulings tiegħu. Jgħid li kull ruling ikun riċerkat b’ħafna dettall u għalhekk iħossu komdu li s’issa ġabar dawn ir-rulings fi tnax-il volum. Huwa semma li r-rulings tiegħu saħansitra jkunu diskussi, għax huma pubblikati, fil-konferenza tal-iSpeakers tal-Commonwealth.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *