Għaliex ħażin tarmi nies ta’ esperjenza fil-politika u ma għandekx tiftaħar biha
Minn osservatur politiku
F’kull okkażżjoni li jkollu Bernard Grech jirrepeti l-istess mantra li kemm ilu Kap hu l-Partit Nazzjonalista qed jirriġenera lilu nnifsu. Kull meta jkollu ċans, iżeffen fin-nofs in-numru ta’ deputati ġodda li ser ikun hemm f’isem il-Partit Nazzjonalista fil-leġislatura li ser tibda fi ftit ġranet oħra.
Bernard Grech ma jista’ qatt jinsa li sabiħ kemm hu sabiħ il-ġdid u tajjeb kemm hu tajjeb li tirriġenera, fil-politika il-musmar il-ġdid jikkumplimenta lill-qadim u mhux jaqilgħu. Jekk tarma bil-ġdid biss, ikollok kollox sabiħ u jleqq, imma fil-politika tkun tlift dik l-esperjenza li tant hi neċessarja.
Id-deputati l-ġodda ser ikollhom bżonn u allura jirrikorru għall-għajnuna fuq min diġa’ kien kemm fil-parlament kif ukoll fuq min diġa’ pparteċipa f’diskussjonijiet relatati. Il-kelliema l-ġodda ser ikollhom bżonn il-gwida ta’ sħabhom li jkollhom diġa’ l-esperjenza fil-plenarja tal-parlament. Il-ġodda ser jirrikorru fuq dawk li għandhom l-esperjenza ta’ snin fil-partit u fil-politika.
Dik l-esperjenza taf tgħin ħafna lid-deputati ġodda u turihom kif jitkellmu jew jiddibattu fil-parlament. Xi ħaġa li għad iridu jitgħallmu d-deputati l-ġodda hija kif jaġixxu jew jirreaġixxu għal dak li jkun qed jgħid xi avversarju politiku tagħhom. F’ħafna okkażżjonijiet id-deputati parlamentari jkunu iridu jirreaġixxu malajr u mingħajr ebda diskussjoni qabel. Hemm tidħol dik l-esperjenza neċessarja ta’ x’għandek tagħmel dak il-ħin. F’ħinijiet partikulari bħal dawn ikun hemm bżonn ta’ l-esperjenza neċessarja biex ma narawx żbalji bħalma rajna fil-leġislatura li spiċċat ftit ġimgħat ilu.
Grech ferħan li għandu numru ta’ deputati ġodda u minn dak li rajna s’issa ma jiddejjaqx jarmi nies ta’ esperjenza, bħal ma għamel lit-tliet deputati li kienu parti mill-esekuttiv ta’ Gonzi. Flok integrahom ma’ dawk ġodda ħallihom barra u tilef esperjenza li kienet tiżżewwaq tant tajjeb ma’ kelliema ġodda. Dan il-grupp ta’ deputati li għandu Bernard Grech għadu jitwieled u l-prova ta’ dak li kapaċi joffru għad irridu narawha. Huwa ddeċieda li jarmi l-esperjenza a skapitu tal-istess deputati ġodda li kien ikun tajjeb għalihom li jsibu lil dawn in-nies ta’ spalla għalihom.