Alex Perici Calascone jwieġeb lil Deborah Mifsud: jafferma li kien hemm kommossjoni ġenerali imma jgħid li ma kienx qed jippresedi hu

Qed inġib l-ittra li bagħatli Dr. Alex Perici Calascone peress li f’artiklu li deher il-bieraħ, is-Sinjura Deborah Mifsud qalet li jekk tiftakar tajjeb, kien Dr. Alex Perici Calascone li ppresida dik il-laqgħa tal-esekuttiv li fiha, is-Sinjura Deborah Mifsud rat siġġu jinstabat, basket jispiċċa fl-art u kienet ser tinqala’ ġlieda. Dr. Perici Calascione qed jgħid li dik il-laqgħa ma mexxihiex huwa, anki jekk għaraf li kienet inqalgħet kommossjoni sħiħa. Biss sostna li “la kien hemm sigġu u l-anqas bagalja mitfugħa minn ħadd lejn ħadd. Lanqas ma kien hemm xi ħadd li ħebb għal xi ħadd ieħor“. Waqt li nirrispetta l-opinjoni ta’ Dr. Perici Calascone, nixtieq nippreċiża li s-Sinjura Deborah Mifsud imkien ma qalet li ntefa’ siġġu lejn xi ħadd. L-anqas jien ma għidt li ntefa’ siġġu. Dak li ktibt jien kien li kien ser jintefa’ siġġu u ma ntefax. Is-Sinjura Mifsud qalet li s-siġġu nstabat – xi ħaġa li Dr. Perici Calascone ma ċaħadx – kif ma ċaħadx li l-bagalja spiċċa fl-art.

Nixtieq nippreċiza punt ieħor. Dr. Perici Calascone qal li f’dik il-laqgħa “lanqas kien hemm xi ħadd li ħebb għal xi ħadd ieħor“. Mhux ser nidħol f’dak li kitbet Ms. Mifsud fuq dan il-punt. Inħalli f’idejn il-qarrejja. Imma nixtieq inżid li kien hemm persuni oħra li kienu ser jiġu fl-idejn f’dik il-laqgħa u tant kemm kienet taħraq li f’mument minnhom, il-president keċċa persuna jew persuni l-barra biex jevita li jiġri dan.

Dan hu dak li kitibli Dr. Perici Calascone

Għażiż Prof. Mercieca, 

Nagħmel referenza għall-artiklu intitolat “Eks-membru tal-esekuttiv Nazzjonalista, Deborah Mifsud tirrakkonta x’rat dwar l-istorja ppubblikata f’dan is-sit fuq il-basket ta’ Karol u s-siġġu ta’ Mark Anthony”. Qiegħed niktiblek bi dritt ta’ risposta skond l-Att dwar il-Midja u l-Malafama u dan peress illi ssemmejt jien. 

F’dan l-artiklu, Ms. Deborah Mifsud hi kkwotata li tgħid “Mark Anthony Sammut kien irreżenja minn president tal-esekuttiv. B’hekk jekk niftakar tajjeb, f’dik il-ħabta, il-president tal-esekuttiv kien jintgħażel ad hoc u jekk niftakar tajjeb, il-president li kien qed imexxi s-seduta dak in-nhar kien Alex Perici Calascione.” 

Nikteb biex nippreċiża illi dan ma huwiex korrett għaliex jiena ma mexxejt ebda tali seduta. Kull seduta li mexxejt jien kien biss fiż-żmien wara, cioe’ fil-perijodu li kont fil-fatt nokkupa l-kariga ta’ President tal-Kumitat Ezekuttiv tal-PN. 

Filwaqt li jiena qed nikteb biss biex nikkorregi r-referenza li saret ghalija, għal korrettezza ngħid ukoll li filwaqt li kien hemm kommozzjoni ġenerali minn kull naħa, la kien hemm siġġu u l-anqas bagalja mitfugħa minn ħadd lejn ħadd. Lanqas ma kien hemm xi ħadd li ħebb għal xi ħadd ieħor. 

Grazzi u tislijiet, 

Alex Perici Calascione. 

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading