Bernard Grech imbotta kandidata b’xamma ta’ frodi biex tkun deputata fil-Parlament: fejn huma ta’ Repubblika f’dan il-każ?

Il-Malta Today tagħtna artiklu dwar waħda mid-deputati ġodda tal-Partit Nazzjonalista, Rebekah Cilia. Din id-deputata qed tiġġieled lill-ex-raġel ta’ ommha biex ma tagħtihx ammont ta’ flus wara dak li sar magħruf minn testijiet mediċi li ma kienx missierha. L-artiklu jgħidilna li din id-deputata kienet ilha taf li Hector Cilia ma kienx missierha għall-anqas għaxar snin. Imma xorta qatt ma qaltlu xejn.

L-iskuża mogħtija kienet li Rebekah Cilia ma rieditx tweġġa lil Hector Cilia b’dik l-informazzjoni. Is-suppost missier fittex għad-danni lil Rebekah u lil ommha għax ħass li kien ġie mogħti informazzjoni ħażina dwar il-paternita’ tiegħu. Il-mistoqsija li trid tintgħamel hija din, dan jista’ jiġi meqjuż bħala att ta’ frodi la Rebekah Cilia baqgħet tieħu flus minn għand Hector Cilia għalkemm kienet taf li ma kienx missierha. Jidher minn dak li qrajna li Rebekah Cilia ħbiet din l-informazzjoni imma xorta baqgħet tilqa’ għandha dak kollu li kien joffrilha s-Sur Cilia. Fil-fatt fil-kawża tal-qorti joħroġ ċar li l-ispejjeż imsemmija mis-Sur Cilia kienu jagħmlu referenza għal żmien meta Rebekah kienet diġa’ għalqet it-tmintax-il sena.

Illum Rebekah Cilia spiċċat fil-parlament u tar-Repubblika kuntenti u ferħanin għax din ta’ Bernard Grech!

Imma bil-fors wieħed irid iħares lejn din l-istorja mil-lenti politika. Ħafna jafu li fl-2019 meta kien hemm l-elezzjoni tal-parlament Ewropew, il-kandidati tal-Partit Nazzjonalista kienu ġew mitluba jagħtu diversi dettalji personali lit-tmexxija tal-partit biex jiġi deċiż jekk kienux kandidati idonei. Dawn kienu dettalji li fost affarijiet oħra kienu jistaqsu għall-assi li wieħed ikollu u affarijiet finanzjarji oħra relatati. Kien ukoll mistoqsi jekk il-kandidati kellhomx xi kawża l-qorti jew xi ħaġa relatata li kien hemm bżonn kbir li l-partit ikun jaf biha.

Nippretendi li għall-elezzjoni ġenerali ġara l-istess. Mela t-tmexxija tal-partit kellha informazzjoni dwar din il-kawża li fiha kienet involuta Rebekah Cilia? Possibli li l-kap ma qallha xejn lill-kummissjoni li hija responsabbli li tara li l-kandidati huma ideonei? Fuq kollox, għal xi żmien Bernard Grech kien l-avukat ta’ Hector Cilia. Il-Partit Nazzjonalista kellu l-informazzjoni kollha dettaljata ta’ dan il-każ? Jekk ma kellux, allura l-istess kap tal-PN daħaq bil-Partit Nazzjonalista.

Jekk il-Partit Nazzjonalista kellu din l-informazzjoni kif ma ħax deċiżjoni fuq din is-sitwazzjoni? Kienet veritiera Rebekah Cilia mal-Partit Nazzjonalista fuq dan il-każ li jista’ jkollu xamma ta’ frodi?

Tajjeb li t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista tillumina lill-kostitwenti ta’ din id-deputata. Fuq kollox, din telgħet bil-vot tan-nisa. Verament għamilna suċċess b’din ir-riforma. Tajjeb li wieħed jistaqsi x’inhi l-pożizzjoni ta’ Repubblika fuq dan il-każ?

Peress li Bernard Grech, bħala wieħed mill-avukati kien konoxxenti tal-każ, x’pożizzjoni ħa meta isem Rebekah Cilia ttella’ quddiem l-esekuttiv ħalli tiġi konfermata bħala kandidat? X’għamel Dr Grech għall-ġid tal-partit? Kien raġel biżżejjed li jiftaħ għajnejn il-Partit Nazzjonalista għal dak li forsi seta’ jinqala’? Jekk forsi kien marbut bis-sigriet professjonali, kien wissa lil Rebekah Cilia biex tkun sinċiera mal-Partit Nazzjonalista u tgħid dak kollu li kienet għaddejja minnu? Fuq kollox, bħala kap, dejjem seta’ żamm persuna milli toħroġ mingħajr ma għandu għalfejn jagħti r-raġunijiet tiegħu.

Nispera li t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista tkun trasparenti, kif inhu meħtieġ f’okkażżjonijiet bħal dawn, u toħroġ stqarrija bil-verita’ kollha ta’ x’kienet din l-istorja u jekk il-Partit Nazzjonalista kienx konxju u x’għamel fuqha. Jekk ma jsirx hekk, bir-raġun li l-poplu Malti jkollu jikkonkludi li ma hemmx serjeta’ fit-tmexxija preżenti tal-Partit Nazzjonalista.

One thought on “Bernard Grech imbotta kandidata b’xamma ta’ frodi biex tkun deputata fil-Parlament: fejn huma ta’ Repubblika f’dan il-każ?”

Leave a Reply