Peter Agius verament għadu l-kelliem uffiċjali tal-PN?

NET News qaltilna li Dr Peter Agius kien intervistat minn ‘Ici l’Europe’, bullettin tal-Affarijiet Ewropej ta’ France 24. L-istess news portal qalilna li Peter Agius għadu il-kelliem ewlieni tal-Partit Nazzjonalista kif ukoll kandidat għall-MEP. Kienet aħbar li qatatilna l-kurżita ta’ fejn sparixxa Peter Agius mill-elezzjoni ‘l hawn. Qed ngħid dan għaliex xi jiem ilu bagħat mistoqsija lil Peter Agius jekk għadux il-kelliem uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista. Peter Agius ma weġibx il-mistoqsija ta’ dan is-sit. Imma wieġeb, kif jgħidu t-Taljani a distanza.

Imma l-osservazzjoni tibqa’. Bħal kelliem uffiċjali, Agius ma tantx ħa l-inkarigu li jindirizza xi konferenza stampa, minn mindu ntilfet l-elezzjoni ‘l hawn, bħal ma kien imdorri jagħmel qabel l-elezzjoni. Kont ħerqan nisimgħu lill-kelliem ewlieni tal-Partit Nazzjonalista jażżarda jgħidilna x’mar ħażin fil-kampanja elettorali li rriżultat fi tkaxkira daqashekk kbira.

Infakkar li wara li tħabbar ir-riżultat tal-elezzjoni, Dr Peter Agius sparixxa u qagħad kwiet. Ma ħareġx jgħidilna jekk għadux il-kelliem ewlieni tal-Partit u lanqas qalilna jekk għadux kandidat għall-Parlament Ewropew.

Ried ikun NET News li l-bieraħ illuminana li Peter Agius għadu fix-xena, għalkemm ma tkellimx fuq dak li ġara f’pajjiżna f’dawn l-aħħar ġimgħat. Fil-fatt, jista’ jkun li imita lil Dr Grech u evita li jitkellem fuq l-elezzjoni ġenerali. Jekk ma jitkellimx il-kap tal-Partit, għax għandu jitkellem Dr Peter Agius, il-kelliem ewlieni jekk verament għadu l-kelliem ewlieni tal-Partit Nazzjonalista!

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *