Illum hemm laqgħa tal-esekuttiv tal-Partit Nazzjonalista li trid tiddeċidi dwar l-elezzjoni tal-kap tal-partit: x’inhuma l-proċeduri?
Il-bieraħ, il-gazzetti u l-media soċjali faqgħu l-aħbarijiet billi qalulna li ser jibda’ l-proċess biex jilħaq Kap fil-Partit Nazzjonalista. Dan sar bi preparazzjoni tal-laqgħa li ser issir, illum il-Ħamis tal-esekuttiv tal-Partit Nazzjonalista. F’din il-laqgħa tal-esekuttiv, il-membri ser jiddiskutu l-proċeduri neċessarji biex tkun mifthema t-triq ‘il quddiem kif ser jasal il-Partit Nazzjonalista biex ilaħħaq il-Kap tiegħu.
Ħafna mill-kittieba diġa’ għamluha fatta li bejn illum u nhar il-Ħadd, meta jiltaqa’ il-Kunsill Ġenerali, ser issir l-għażla tal-kap billi jiġi konfermat Dr Bernard Grech. Ma ngħaġġlux għax mhux daqshekk faċli. Hemm speċifikat fl-istatut tal-Partit Nazzjonalista li f’dan il-perjodu partikulari ta’ wara elezzjoni ġenerali nirrikorru għall-artiklu 83 (4) tal-istatut li jgħid li
“Il-Kap tal-Partit jinħatar jew jiġi konfermat wara kull elezzjoni ġenerali skont kif jipprovdi dan l-Istatut.”
Illum ser jiltaqa’ l-esekuttiv biex, kif diġa għidt, jibda l-proċedura ta’ kif ser jilħaq il-Kap tal-Partit. L-istatut jagħti żewġ għażliet u jagħmel differenza bejn jekk elezzjoni ġenerali tintrebaħx jew tintilef. L-artiklu 89 jgħid hekk:
“(1) F’każ li wara elezzjoni ġenerali l-partit jitla’ fil-gvern, il-Kumitat Esekuttiv għandu jlaqqa’ Kunsill Ġenerali kif jipprovdi l-artikolu 82 (1) (b) u għandu wkoll jikkonferma l-kap u l-viċi kap skont il-provvedimenti ta’ dan l-istatut.
(2) F’każ li wara elezzjoni ġenerali l-partit ikun fl-oppożizzjoni, il-kumitat esekuttiv għandu jlaqqa’ l-Kunsill Ġenerali kif jipprovdi l-artikolu 82 (1) (b) u għandu wkoll jiddeċiedi li jniedi proċess ta’ elezzjoni ta’ kap u ta’ viċi kap skont il-provvedimenti ta’ dan l-Istatut.”
Mela hawn għandna ċarezza ta’ kif ser jaħdem l-esekuttiv. Fil-każ preżenti l-esekuttiv irid jibda’ proċeduri ta’ elezzjoni ta’ kap. Skond l-istatut Artiklu 90 tiġi inkarigata il-kummissjoni elettorali tal-partit li għandha fi żmien tlett ijiem mill-Kunsill Ġenerali, tippubblika avviż u titlob dikjarazzjoni ta’ interess minn xi membru tal-partit interessat li jikkontesta.
Jingħata sebat ijiem ċans. Wara u fi żmien jumejn ic-Chairperson tal-Kummissjoni jibgħat l-ismijiet lill-Kummissjoni Kandidati biex tagħmel il-verifika skond il-provedimenti tal-istatut fl-artikoli 135, 136 u 137. Il-Kummissjoni Kandidati tintalab tikkonkludi l-verifiki fl-iqsar żmien possibbli imma mhux aktar tard minn sitt ġimgħat.
Ir-riżultati ta’ dawn il-verifiki għandhom jaslu għand il-Kunsill Amministrattiv u l-Kummissjoni Elettorali. Ikun wara dawn il-proċeduri li l-Kummissjoni Elettorali toħroġ avviż biex issejjaħ għan-nominazzjonijiet; proċedura li għandha tagħlaq fi żmien ħamest ijiem. Kif rajna hemm proċeduri eżatti kif għandu jsir il-proċess. Il-lejla l-esekuttiv għandu jifformula time-table biex dawn il-proċeduri jseħħu.
Inutli noqogħdu nilagħbu bid-diskors ta’ x’għandu jsir u ma jsirx. L-istatut huwa ċar. Nispera li ma jkunx hemm tfettiq fil-klawsoli tal-artikli msemmija biex ikun hemm xi tibdil għal dak iddikjarat fl-istess statut.
Nistennew u naraw.

Ibqa cert li mhux ser ikun hemm min johrog ghal kariga ta kap.l!