Hemm almenu 14 l-“overlap” fid-dikasteri mogħtija lix-Shadow Ministers Nazzjonalisti

Blog post minn Dr. Hermann Farrugia

Kif kelli ċans nuri f’artiklu li ppubblikajt il-bieraħ fuq dan is-sit, illum hemm mill-anqas erbatax-il konfluwenza jew overlaps fil-mod ta’ kif tqassmu it-tnejn u tletin portafoljji tax-Shadow Ministers. Fi kliem ieħor, erbatax-il Shadow Minister ser ikun qed jidħol fl-għalqa ta’ responsabbilita’ ta’ Shadow Ministers oħra. Dawn il-konfluwenzi jew overlaps jikkonċernaw mhux anqas minn dsatax-il deputat Nazzjonalista, mit-tnejn u tletin li ġew assenjati dawn ir-rwoli ta’ shadow ministers. F’termini ta’ perċentaġġi, hemm tal-anqas sittin fil-mija tad-deputati Nazzjonalisti li ser ikollhom jidħlu fl-għalqa ta’ xulxin fl-oqsma li ġew mitluba jissorveljaw. Dan sejjer bilfors jostakola bla bżonn kemm l-individwalita’ kif ukoll l-effettivita’ ta’ ħidmiethom.

L-istqarrija uffiċċjali tal-PN hija nieqsa milli tagħti lista tal-importanza ġerarkika tal-portafolli mingħajr ma tħares lejn l-uċuh tad-deputati maħtura nnifishom. Ix-Shadow cabinet Nazzjonalista kif ġie strutturat u mħabbar jumejn ilu seta’ b’daqxejn aktar ta’ immaġinazzjoni wera forma aktar ċara ta’ maturita’ politika, konsistenza strateġika u kredibilita’. B’hekk, f’għajnejn l-elettorat, kien jilħaq bil-bosta aħjar l-għan preparattiv tiegħu għall-Oppożizzjoni b’sura u konkreta ta’ gvern alternattiv.

Jien kont nistenna li l-iskeda tad-dekasteri tieħu xejra aktar innovattiva kif ukoll konċiża. Dan sabiex tissaħħaħ il-kredibilita’ u l-konsistenza tal-Partit Nazzjonalista. Dan hu partit li ilu issa jippriedka minn żmien żemżem dwar kontinwita’ u konsistenza. Imma din mhux qed tidher sewwasew fil-ħatriet ta’ dawn ix-shadow ministers. Fuq kollox, il-mod ta’ kif ġew appuntati x-shadow ministers, Bernard Grech bagħat messaġġ li f’każ li hu ser ikun fil-gvern ser ikompli mal-prassi tal-Gvern Laburista u jkollu numru kbir ta’ ministeri u ta’ segretarji parlamentari. Fl-idea tiegħi, il-messaġġ li kellu jibgħat kien dak li kabinett futur Nazzjonalista ma hux ser ikun tant vast u espansiv biex b’hekk ma jkunx ta’ ċertu piż żejjed fuq in-nefqa amministrattiva tal-Gvern.

Għalhekk setgħu faċilment ġew identifikati u elenkati it-tnax-il poli prinċipali tal-ħidma tal-Oppożizzjoni, kull wieħed immexxi minn spokesperson prinċipali b’tim ta’ numru ta’ deputati Nazzjonalisti oħra (varjabbli skont l-isfera tal-ħidma politika tagħhom) u li jkunu maħtura spokespersons fl-ambiti direttament assoċjati u rispettivi għall-pole ta’ public policy partikulari.

Per eżempju l-PN kien tant voċiferu fl-imgħoddi dwar id-disprezz li sofrew il-ħarsien effettiv tal-ambjent u tal-ispazji pubbliċi miftuħa permezz tad-demotion li qalgħu meta kienu ġew imqallfta ‘l barra mill-amministrazzjoni tal-ippjanar taħt Gvern Laburista.

Issa paradossalment, jidher li dan l-istat ta’ fatt ġie aċċettat minn Bernard Grech. Il-Partit Nazzjonalista tant ilu jħambaq sa’ minn żmien is-snin tmenin li l-kura primarja għandha tkun il-fus essenzjali ta’ kull servizz tas-saħħa Nazzjonali ta’ kwalita’ rispettabbli, sostenibbli u milħuqa mill-faxex kollha tas-soċjeta’. B’dan l-assenjar bl-addoċċ ta’ responsabbiltajiet xejn anqas minn ħames deputati ser ikollhom jindividwalizzaw ruħhom f’ħidma separata fir-rwoli tal-qasam tas-saħħa pubblika, kura primarja, id-dijabetoloġija, il-ġlieda kontra l-obeżita’, il-ħarsien tal-kura mentali u saħansitra dik li tolqot l-isfera tal-anzjanita’ attiva.

L-istess jista’ jingħad għall-ħatra tal-portafoll dwar il-politika soċjali. Dan kellu jiġbor taħt ġwenħajh il-politika dwar ix-xogħol u taħriġ, il-housing affordabbli, solidarjeta’ socjali, bħal dik għall-anzjani u tal-gruppi marġinali, il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni.

U taħt il-kappa tax-Shadow tal-portafol tal-finanzi faċilment setgħu jiġu inkorporati l-ispokespersons appuntati dwar l-għoli tal-ħajja, l-istabilita’ tal-prezzijiet u l-ħarsien tal-konsumatur biex ma nsemmux ukoll il-qafas tar-riformi fiskali u tal-kompetittivita’ finanzjarja. U b’tali sfond, seta’ baqa’ għaddej il-kap tal-Oppożizzjoni jistruttura b’mod strateġiku u raġjonevoli l-poli l-oħra ndispensabbli tal-ħidma tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista b’xeħta ħafna aktar maqgħuda, ikkordinata u għalhekk bil-premessa ta’ sorveljanza tax-xogħol governattiv aktar iffukata u effikaċi.

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading