Frank Psaila jagħtini r-reazzjoni tiegħu wara li hu u martu rreżenjaw mill-PN: il-kriżi fil-Partit Nazzjonalista tkompli tikber

Wara li One News ħabbar li kemm l-avukat Frank Psaila u anki martu, l-avukatessa Alessia Psaila Zammit irreżenjaw mill-Partit Nazzjonalista, jien ċempilt lil Frank Psaila biex inkellmu dwar din ir-reżenja jew aħjar reżenji. Lil Dr. Frank Psaila ili nafu u kont inkun anki mistieden fuq il-programmi tiegħu li kien jagħmel fuq NET TV. Għalija, din ir-reżenja ġiet bħala sajjetta fil-bnazzi u żgur li ma stajtx inħalliha għaddejja. Alessia Psaila Zammit rreżenjat għal kollox mill-Kunsill Lokali u ma marritx indipendenti.

Dawn iż-żewġ riżenji ta’ persuni lealissimi u ta’ esperjenza fil-PN tħabbret dalgħodu minn ONE NEWS. One News irrapporta li l-avukata Alessia Psaila Zammit, li kienet il-minority leader tal-Partit Nazzjonalista fis-Siġġiewi tat ir-riżenja tagħha minn kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista f’din il-lokalita’. One News kompla jirrapporta li Psaila Zammit irriżenjat għal kollox mill-Kunsill u mhux se tmur indipendenti. L-istess sit qed jirrapporta li l-avukat Frank Psaila irriżenja minn kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.

Dan is-sit għamel kuntatt ma’ Dr Frank Psaila biex jikkonferma din l-istorja li minn naħa tiegħu kkonferma dawn ir-riżenji. Mistoqsi r-raġunijiet wara dawn ir-riżenji, Psaila qal biss illi wara ħidma twila fil-PN ta’ kważi 20 sena, wasal iż-żmien li jiffoka fuq il-ħajja personali tiegħu, il-professjoni tiegħu ta’ avukat u n-negozju. Martu li hija wkoll avukata ser tagħmel l-istess. Psaila qalli li ser iżomm parteċipazzjoni fil-media imparzjali u ser jkun qed jassumi rwoli oħra pubbliċi fis-soċjeta’. Psaila qalli li ma għandhux aktar kummenti oħra x’jagħmel.

Frank Psaila ilhu snin twal attiv fil-PN. L-istess martu Alessia. Fl-aħħar elezzjoni tal-Parlament Ewropew, Psaila ġab aktar minn tlettax-il elf vot tal-ewwel preferenza u klassifika t-tielet. Kien favurit, f’kull sondaġġ li kien sar, li poġġewh it-tieni wara Roberta Metsola. Iżda huwa fatt magħruf li tal-establishment ħaddmu block vote fuq il-lokalitajiet Nazzjonalisti ta’ tas-Sliema u l-għaxar distrett u ġie elett David Casa minflok Psaila.

Alessia Psaila Zammit kienet l-ewwel sindku mara tas-Siġġiewi u fl-aħħar elezzjoni tal-Kunsill Lokali ġabet l-akbar ammont ta’ voti – aktar minn elf vot tal-ewwel preferenza, mill-kandidati kollha taż-żewġ partiti. Iżda anke hawn, tal-establishment ħadmu kemm felħu biex il-PN jitlef il-maġġoranza f’din il-lokalita’ u rnexxilhom.

Fl-aħħar elezzjoni ġenerali, Psaila Zammit kienet kandidata tal-PN fuq is-sitt u seba’ distrett elettorali. F’dawn il-lokalitaijiet, partikularment fuq is-seba’, il-Partit Nazzjonalista mbotta kandidati oħra u kandidati bħal Psaila Zammit ngħataw il-ġenb.

L-istess seħħ fil-konfront ta’ kandidati oħra li minkejja snin twal ta’ ħidma fil-PN ngħataw il-ġenb.

Frank Psaila u Alessia Psaila Zammit ilhom mal-20 sena attivi fil-PN b’esperjenza twila fil-media, l-istrutturi tal-PN, u fil-gvern meta l-PN kien fil-gvern. Koppja valida, b’bażi akkademika b’saħħitha – bejniethom gradwati tnax-il darba.

Żewġ politiċi validi mrawmin mill-klikka ta’ Bernard Grech. Minflok il-partit, kif jixraq fetaħ il-bieb biex jgħinuh, warrabhom. Ma kull ġurnata li qed tgħaddi, l-PN taħt Bernard Grech qed jitlef nies leali u ta’ esperjenza li taw saħħithom għall-Partit Nazzjonalista. Il-kriżi fi ħdan il-Partit Nazzjonalista qed tkompli tikber.

One thought on “Frank Psaila jagħtini r-reazzjoni tiegħu wara li hu u martu rreżenjaw mill-PN: il-kriżi fil-Partit Nazzjonalista tkompli tikber

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *