Kif jista’ Bernard Grech jitlob mandat aktar b’saħħtu meta l-konferma tiegħu ser issir mill-kunsilliera biss?

Hemm il-probabilita’ li l-kunsilliera biss ser jiddeċiedu l-futur tal-Partit Nazzjonalista fejn tidħol tmexxija tal-istess Partit. Dan għaliex jekk jkun hemm biss in-nomina ta’ Dr Bernard Grech għall-kap tal-Partit, jkun ifisser li l-kap jiġi konfermat mill-kunsilliera tal-partit biss. Din joħroġ minn dak li hemm miktub fl-istatut tal-Partit Nazzjonalista. Kull ma jkollu bżonn Dr Bernard Grech, jekk jibqa’ fit-tellieqa waħdu, hija maġġoranza sempliċi fil-Kunsill Ġenerali. Dan il-Kunsill huwa magħmul minn madwar 1,600 delegat tal-partit, imsejjħa kunsilliera, mid-diversi strutturi tal-Partit Nazzjonalista.

Imma x’sens jagħmel li kap ta’ partit li jintagħżel minn numru daqstant żgħir meta issa hemm il-possibilita’ li jivvutaw anke t-tesserati? Kienu t-tesserati li għażlu lil Dr Adrian Delia u kienu l-istess tesserati li fl-2020 għażlu lil Bernard Grech. Għal ġid tal-partit stess, ikun aħjar li ikun hemm għażla ħafna iktar vasta biex jintagħżel il-kap. Diversi Nazzjonalisti qed jikkummentaw li jkun aħjar li kieku jkun hemm tellieqa minn diversi kandidati.

Hawn diversi sostenituri tal-partit li qed jgħidu li jixtiequ replika tal-2017 fejn erba’ kandidati ħarġu għal pożizzjoni ta’ Kap. Hekk, ikun hemm iċ-ċertezza li ssir tellieqa li tiġi deċiża mit-tesserati. Kemm ikun aħjar li jkun hemm votazzjoni ta’ kważi 20,000 tesserat milli titħalla l-għażla f’idejn il-ftit mijiet ta’ kunsilliera. La l-istatut jikkonferma l-impenn tat-tesserati f’elezzjoni bħal din, ikun aħjar li jkollok deċiżżjoni meħuda minn numru ħafna ikbar ta’ partitarji.

Id-deċiżżjoni ta’ Bernard Grech, li jitlob mandat iktar b’saħħtu, meta kien għadu kif qala’ tkaxkira storika poġġiet l-għażla tal-kap fuq livell differenti. Kulħadd kien qed jistenna li Bernard Grech jirreżenja kif għamlu Lawrence Gonzi u Simon Busuttil fl-elezzjonijiet tal-2013 u l-2017. Imma le Dr Bernard Grech iddikjara li l-partit irriġenera ruħu fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet u għalhekk jistħoqqlu jibqa’ jmexxi hu.

Il-partit ser jibda’ leġislatura ġdida fuq nota ħażina. Kif jista’ jkollok kap li jmexxik għal suppost riżultat tajjeb, meta għadu kif tilef b’maġġoranza li qatt ma rajna bħala? Issa dawk li jridu lil Bernard Grech jibqa’ qed jgħidu li rriġenera lill-partit. Waqt li hu minnu li telgħu ħafna ġodda, huwa minnu wkoll li kien l-elettorat, aktar milli Bernard Grech innifsu, li mexxa din ir-riġenerazzjoni għaliex numru ta’ kandidati ġodda li mbotta l-establishment xorta baqgħu l-art.

Għalhekk il-focus għandu jibqa’ fuq in-numri li ġab il-Partit Nazzjonalista f’din l-elezzjoni. Li kieku għamel xi avvanz wieħed kien jgħid ħareġ ftit ġid, imma meta d-distakk żdied bl-eluf ma tippretendix li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ bl-istess tmexxija.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *