Meta kliem dwar kompassjoni mingħajr azzjoni, huwa kollu kliem fieragħ
Il-bieraħ, fil-quddiesa tal-konsagrazzjoni taż-żjut, l-arċisqof Scicluna tkellem dwar l-iżbalji tiegħu. Wieħed jieħu gost jisma’ l-arċisqof jitkellem fuq ħtijietu. Dan hu element ta’ umilta’.
Huwa qal li f’Ħamis ix-Xirka, il-Knisja tibda tiġġedded. Hu qal hekk b’referenza għal-liturġija ta’ Ħamis ix-Xirka, fejn fiha jibda tiġdid fil-knisja fost il-qassisin għaliex jinbidlu ż-żjut mqaddsa u l-knisja jkollha żejt ġdid. Imma biex tiġġedded tassew, l-arċisqof kompla, aħna jrid ikollna, u jrid ikollna fil-qalb tagħha, dak il-ferħ li ġej mill-għarfien, li meta nsejħu lil Alla ‘Missierna’, qegħdin nagħrfuh fit-tenerezza, fil-kompassjoni, fil-viċinanza tiegħu. Verament kliem sabiħ u ta’ min jixtarru. Huwa kompla li hekk ukoll ikollna l-qawwa li nuru wkoll tenerezza u kompassjoni u viċinanza magħna nfusna, ma’ xulxin, u mal-poplu qaddis ta’ Alla.
Huwa kompla jgħid li nħares lejja nnifsi bil-kompassjoni? Nieħu paċenzja bija nnifsi? Nidħak bil-ħmerijiet li għamilt u li nagħmel? Għax Alla min jaf kemm jgħolli għajnejh. Min jaf meta jħares lejna u jkollu jitbissem. Xi kultant ngħid: mhux jagħlaq għajn waħda, imma tnejn ikollu. Imma jiena nħares lejja nnifsi, bl-istess kompassjoni, bl-istess mogħdrija, bl-istess sens ta’ ironija ta’ realiżmu, li hu l-għajn tal-umiltà vera?
Naħseb li dan l-arċisqof irid jibda jħares b’kompassjoni lejn kulħadd. Meta jkollu media li xxerred il-gideb fuq in-nies, nistaqsih fejnha il-kompassjoni? Meta jkollu media xxerred il-mibgħeda u tipprova tkisser lin-nies, fejn qedha l-kompassjoni?
Fejn kienet il-kompassjoni ma’ Fr. David Muscat, wara li dan għamel dak li qed tgħid int u preċiżament wera kompassjoni ma’ Abner għax kien qed jiġi abbużat sesswalment? Ara issa, kulħadd waqaf jitkellem fuq dan il-każ. L-aqwa li għandna arċisqof jgħaġġel u jmur joħroġ xi stqarrija biex jogħġob lil tal-LGBTIQ. L-aqwa li kellna arċisqof sema’ minn ta’ Repubblika u qal le għal flus li ġab Adrian Delia lid-Dar tal-Providenza biex mingħalih ikissru politikament. Ma kienetx kompassjoni l-azzjoni ta’ Adrian Delia?
Fis-sewwa jekk kien hemm żewġ persuni li wrew dak li jissejjaħ “compassionate leadership” matul dawn l-aħħar xhur, kienu Fr. David Muscat u Dr. Adrian Delia. Infakkar li meta Adrian Delia ġabar il-flus għad-Dar tal-Providenza, wera li għandu compassionate leadership. Meta Fr. Muscat qabeż għal Abner Aquilina meta kulħadd kien kontra tiegħu minħabba dak li għamel, wera “compassionate leadership!”
Tajjeb li l-arċisqof jippriedka l-kompassjoni imma din trid tkun dejjem u kullimkien. Inkella dan hu kollu kliem fieragħ.