Where your opinion counts

It-tliet surveys tal-bieraħ: kollha jagħtu rebħa kbira lill-Partit Laburista

Il-bieraħ, fil-gazzetti kellna xejn inqas minn tliet sondaġġi. It-tlieta li huma taw rebħa kbira lill-Partit Laburista imma kien hemm varjazzjoni bejn wieħed u ieħor. Il-Malta Today tidher li kienet l-unika gazzetta li qed tagħti riżultat ta’ nuqqas fid-distakk bejn il-Partit Laburista u dak Nazzjonalista. It-tnejn l-oħra qed jgħidu li l-vantaġġ tal-Partit Laburista kompla żdid mill-aħħar surveys li għamlu. Fi kliem ieħor, dak tat-Torċa u dak tas-Sunday Times spiċċaw jaqblu mal-analiżi li qed nagħmel jien fuq dan is-sit meta għidt li d-distakk tela’ għal aktar minn 40 elf vot..

Nispera u nittama li l-Partit Nazzjonalista mhux qed ikun tant superfiċjali li jagħti każ biss tas-sondaġġ tal-Malta Today u jinjora għal kollox it-tnejn l-oħra. Niftakar tajjeb li ħafna sostenituri tal-Partit Nazzjonalista dejjem kienu jgħidu li jafdaw l-iżjed dak magħmul u studjat minn Dr Vincent Marmara, anki jekk it-tmexxija kellha t-tendenza li tinjora dawn is-surveys.

Mela kif jista’ l-Partit Nazzjonalista jwarrab l-istudju ta’ Marmara u jibbaża kollox fuq dak tal-Malta Today għax aktar favorevoli lejh? Waqt li l-Malta Today tiddikjara li l-Partit Laburista se jerbaħ bi 23,000, Marmara jgħid li r-rebħa se tkun b’41,000 u t-Times saħansitra b’44,500.

Bejn dawn it-tliet sondaġġi hemm differenza kbira. Kif jista jkun li l-Malta Today toħroġ b’riżultat ta’ kważi nofs id-distakk li rriżulta liż-żewġ gazzetti l-oħra? Kif tista’ sserraħ moħħok li s-survey tal-Malta Today sar professjonalment u bi studju xjentifiku bħat-tnejn l-oħra? Wisq nibża’ li kif ġa għidt f’analiżi oħra, il-Malta Today qed terġa’ tagħmel l-istess żball li kienet għamlet fis-surveys tagħha qabel l-elezzjoni tal-2017. Fl-2017, il-Malta Today kienet qalet li d-distakk bejn il-Partit niżel tant li Simon Busuttil qal li l-fiġuri li qed tagħti l-Malta Today kienu within the margin of error u saħansitra kien ikkonkluda li l-PN jista’ jerbaħ sa elf vot aktar mill-Labour. X’ġara wara kulħadd jaf.

Meta imbagħad tara r-riżultati għall-fiduċja li hemm fiż-żewġ mexxejja ssib li l-Malta Today tpoġġi vantaġġ lil Robert Abela ta’ 88,000, Dr Marmara ta’ 67,000 u t-Times ta’ 116,000 vot. Dawn huma numri li jagħtuk x’tifhem kemm qiegħed f’sitwazzjoni ħażina l-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Tħares minn liema angolu tħares, ebda stħarriġ ma jserraħ ras il-kap tal-Partit Nazzjonalista. Dawn huma numri li jsammruk u jħalluk bla kliem. Meta tara riżultati bħal dawn tibda’ tiddubita kemm ser ikun qed javvanza l-Partit Nazzjonalista matul il-kampanja elettorali b’kap li ġie hand picked biex javvanza almenu fuq l-istħarriġ divers li jkun qed isir.

Tidher ċara li l-klikka li poġġietu ma rnexxilhomx isibu l-persuna idonea għall-ġid tal-Partit Nazzjonalista.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *