Where your opinion counts

It-tifħir żejjed fil-politika ma wassal għall-imkien

Blog post minn osservatur politiku

Dan is-sit ippubblika l-istorja li l-Partit Nazzjonalista qed jagħti ordnijiet lill-kandidati tiegħu biex meta jitkellmu jagħmlu tliet affarjiet. L-ewwel ifaħħru lill-kap, it-tieni jgħidu li l-Partit Nazzjonalista ser jerbaħ l-elezzjoni u t-tielet li qed jiltaqgħu ma’ Laburisti li qed jgħidu li ser jivvutaw Lejber.

Wieħed jifhem li meta jkun hemm xi intervista, speċjalment mal-Kap tal-Partit, dan jemfasizza li hu se jagħmel ħiltu biex il-Partit Nazzjonalista jkun fil-Gvern. Imma kif jista’ jkun li dawn ma jirriflettux xi ftit fuq l-istħarriġ li xahar wara xahar qed isiru minn gazzetti ewlenin. Kif jista’ jkun li kandidati tal-Partit Nazzjonalista juru ċertezza ta’ rebħ meta hemm distakk daqshekk qawwi? Xi kultant jekk kandidat jipprova jibblaffja jista’ jgħaddi messaġġ ħażin ħafna lill-elettur li jkun qed jitkellem miegħu.

It-tieni jgħidulhom biex isemmu li qed jiltaqgħu ma’ Laburisti li jistqarru li fl-elezzjoni li ġejja ser jaqilbu l-vot favur in-Nazzjonalisti. Wieħed jifhem li ser ikun hemm minn jaqbel il-vot u b’hekk wieħed jista’ jagħti eżempji kif ġara l-Ħadd fejn kelliema Nazzjonalisti qalu li ltaqgħu ma’ nies li vvutaw Labour fl-2017, imma din id-darba se jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista.

Imma għala dan ma għandux jingħad. Għaliex possibbli kull meta jduru fid-djar ma jsibu lil ħadd li jgħidilhom il-kontra, jiġifieri li għalkemm kienu Nazzjonalisti xorta ser jibqgħu jsostnu li jivvutaw lill-Partit fil-Gvern? Possibbli ma jkunx hemm min jgħidilhom li mhux kuntenti bl-oppożizzjoni fil-pajjiż?

It-tielet jgħidulhom biex ifaħħru lill-Kap. Imma possibli li l-kelliema Nazzjonalisti ser jibqgħu jinċensaw kemm jifilħu lil Dr Bernard Grech? Mhux qed jirrealizzaw li dan aktar ser jagħmel ħsara milli ġid? Ma jindunawx li meta l-kelliema qed isibu kull okkażżjoni possibbli biex jgħaddu kummenti ta’ tifħir fuq dak li jkun wettaq Dr Grech forsi matul l-aħħar ġimgħa ser jibdew jaqgħu fir-redikolaġġni?

Fl-opinjoni ta’ ħafna dan il-kliem jiġi rifless bħala laqiżmu mhux mistenni lejn il-kap tal-partit. Kemm tidher isbaħ meta tgħaddi kumpliment lejn xi ħadd jekk verament ikun jixraqlu, mhux tivvinta storja biex tkun tista’ tgħaddi kumment ta’ ftaħir. M’hemmx isbaħ mir-realta’ ta’ dak kollu li jintqal.

Dawn il-kummenti sfurzati minn kelliema li jiġu mistiedna biex jgħaddu l-ħsibijiet tagħhom lill-elettorat nhar ta’ Ħadd, ma jagħmlu ebda ġid lil ħadd. Kelliem, hu min hu, jrid jitħalla jagħmel id-diskors tiegħu bl-aħjar mod kif jaħseb hu u mhux jiġi mponut fuqu dettalji li jridu jissemmew fid-diskors tiegħu.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *