Where your opinion counts

Wara s-survey tal-lum: il-Blue Heroes ser imorru għand il-President wara li Bernard Grech kompla jogħdos?

Konferma oħra li n-numri huma ħżiena għall-Partit Nazzjonalista. Is-sitwazzjoni qiegħda ħażina ħafna skond il-Malta Today, ġurnal li sa ftit ilu kien jipprova jbenġel is-surveys ħżiena li kien qed ikollu l-Partit Nazzjonalista. Dan is-survey qed jirrepplika dak li qaltilna The Sunday Times il-Ħadd li għadda u jkompli jikkonferma l-analiżi passati li saru minn dan is-sit fuq dawn is-surveys kienu dejjem korretti.

Issa qed naraw ukoll tnaqqis ta’ dawk li jiddikjaraw li mhumiex ċerti li, skond Dr Grech, suppost kienu kollha votanti silenzjużi li kienu se jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista. Imma ma ġarax hekk. Allura anke dik il-ħolma ta’ Dr Grech li dawk li mhumiex ċerti huma votanti Nazzjonalisti sparixxiet ukoll. Għax dawk li ma humiex ċerti ma qalux fis-survey li se jivvutaw Partit Nazzjonalista imma sostnew lill-partit fil-Gvern. Id-distakk ta’ 45,000 vot reġa’ stampa ruħu fuq il-faċċata ta’ gazzetta oħra.

U wara dan it-tieni survey, għadna ma smajniex jekk il-Blue Heroes hux sejrin għand il-President. X’qed jistennew il-Blue Heroes biex jagħmlu l-appuntament għand il-President ta’ Malta biex jagħtuh in-narrattiva tagħhom biex jitwarrab Dr. Bernard Grech? Għaliex ‘two weights two measures’? Ma dan le imma ma ta’ qablu iva.

Għalhekk qed ngħid kemm se jdumu jistennew dawn il-eroj ta’ kulur blu, biex skond huma, jagħmlu dak li hu l-aħjar għall-Partit Nazzjonalista u għall-pajjiż? Dawn in-nies, li għadhom hemm, kienu marru għand il-President ta’ Malta għax il-kap ta’ qabel kien qed ikollu surveys ħżiena kontra tiegħu. Allura suppost li għandhom jimxu bl-istess riga u la l-kap preżenti qed jindifen fin-numri, għandhom ikollhom il-kuraġġ li jagħmlu bħal ma għamlu ftit iktar minn sena ilu.

Biex tkompli tiggrava s-sitwazzjoni, dawn il-blue heroes kienu parti integrali tan-numri ħżiena li kien qed ikollu Delia, għax kienu kontinwament jattakkaw lill-kap tagħhom dak iż-żmien b’kull mod u fuq kull ħaġa. Issa suppost, almenu għall-apparenza, qiegħdin vuċi waħda u alenija mal-kap tagħhom. Ma aħniex nisimgħu attakki fuq Dr Grech allura bil-fors li qed ituh is-sostenn tagħhom.

Mela s-sitwazzjoni llum suppost qiegħda ħafna aħjar minn sena u nofs ilu, għaliex suppost Dr Grech ma għandux attakki minn ġewwa stess. Imma l-isfortuna għall-Partit Nazzjonalista, numru kbir ta’ deputati mhumiex nies ta’ stoffa. Il-blue heroes mhumiex konsistenti fl-imġieba tagħhom. Kieku konsistenti kienu jirrepetu dak li diġa għamlu la r-raġuni hija l-istess u n-numri qiegħdin l-istess jew agħar milli kienu qabel.

Imma issa qiegħdin lejlet elezzjoni u ma jridux jidhru li huma diviżivi fi żmien daqshekk qrib ta’ elezzjoni ġenerali. Dawn il-blue heroes bil-fors li huma nies li ma jafux jistħu. Bil-fors li kull ma jagħmlu jikkonċentra biss dak li jistgħu jakkwistaw. Bil-fors li qed iħarsu lejn l-interessi tagħhom u l-aġenda personali li kull wieħed għandu. Bil-fors li fil-konfront ta’ Dr. Delia l-aġenda tagħhom kienet il-biża’ li jitilfu l-ħakma fuq il-partit. Bil-fors li kellhom biża’ li bil-politika adottata minn Dr Adrian Delia kien se jagħti l-partit lura lin-nies u iżjed u iżjed lit-tesserati u kien se jneħħi l-arja u l-arroganza kbira li l-blue heroes kienu qed iġorru.

One thought on “Wara s-survey tal-lum: il-Blue Heroes ser imorru għand il-President wara li Bernard Grech kompla jogħdos?

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *