Where your opinion counts

Bżonn ta’ mekkaniżmu fil-Partit Nazzjonalista biex il-kap il-ġdid li jmiss jitħalla jaħdem

Minn qarrej ta’ dan il-blog

Dak li hu żgur huwa li wara li l-PN kellu tliet mexxejja fi żmien tant qasir, għal raġunijiet jew oħrajn, dawn il-mexxejja fallew fil-ħidma tagħhom. Mela hemm bżonn li meta tasal l-elezzjoni ta’ kap ġdid, jkun hemm regoli li jwasslu u jorbtu biex il-kap il-ġdid ikun jista’ jaħdem fil-Partit Nazzjonalista.

Mela għal din l-elezzjoni ta’ kap ġdid jew anki ta’ konferma tiegħu, hemm bżonn li s-sistema tal-elezzjoni tinbidel u tinkludi mekkaniżmi fejn il-kap ikun jista’ jitħalla jaħdem. Nemmen li s-sistema elettorali preżenti kellha parti żgħira mit-tort għal dawn il-fallimenti li kellna fl-għażla ta’ kap.

Dawk li ser jinnominaw ruħhom għal din il-kariga, għandhom jissottomettu man-nomina tagħhom forma ta’ programm elettorali ta’ fejn iridu jieħdu u xi jridu jibdlu fil-PN. Din għandha ssir parti mir-rekwiżiti li għandha ssir mat-tfigħ tan-nomina biex jintgħażel ħalli jsir kap tal-partit.

B’hekk, il-kunsilliera u t-tesserati ma jgħażlux biss il-persuna, imma anki it-triq tat-tmexxija li dan il-kap il-ġdid irid jieħu lill-PN. B’hekk, dan il vot għandu wkoll jorbot lill-Esekuttiv ta’ fejn il-PN irid imur. Il-Kap b’hekk ikollu aktar saħħa li jwarrab lil dawk li joġġezzjonaw u jfixklu mit-twettiq ta’ din it-triq.

L-akbar tort għall-falliment tal-aħħar żewġ mexxejja kien marbut ma’ wisq interferenzi u ribelljonijiet (għal raġunijiet u aġendi personali) li ma ħallux lill-kapijiet milli jaħdmu. B’hekk irid isir mekkaniżmu biex dawn it-tipi ta’ ribelljonijiet ma jibqgħux aktar possibbli u l-kap il-ġdid jitħalla jaħdem.

Sliem.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *