Is-solidarjeta’ tiegħi man-Nazzjonalisti kollha li ġew mgħajta d-depot għaliex huma kontra l-abort

Kif ħabbart, numru ta’ Nazzjonalisti qed jiġu msejħa d-depot tal-pulizija għaliex huma kontra l-abort. Dan għaliex kitbu post jikkritikaw persuna li hija favur l-abort. Nixtieq nieħu din l-okkazzjoni biex nuri s-solidarjeta’ tiegħi magħhom.

Nuri wkoll is-solidarjeta’ ma’ dak il-qassis li ġie rrappurtat lill-pulizija talli wera d-disapprovazzjoni tiegħu lejn Emma Portelli Bonnici.

Infakkar li meta Dom Mintoff kien ħalla t-thugs tiegħu jużaw il-vjolenza fis-snin sebgħin u bidu tat-tmenijiet, il-partit tiegħu għamel 25 sena fl-oppożizzjoni.

Illum għandna l-Partit Nazzjonalista li qed juża l-vjolenza. Ma għadhiex vjolenza tat-tugs, imma saret waħda ġuridika u pulizjeska. Imma vjolenza tibqa’!

U din hija l-agħar tip ta’ vjolenza. Hija agħar minn ta’ żmien Mintoff għaliex din hija vjolenza li qed juża l-Partit Nazzjonalista, permezz tal-kandidati tiegħu kontra l-istess Nazzjonalisti.

Dawn huma dnubiet li ma jinħafru qatt. Qatt ma għandek tipprova ttellgħa jew tixli nies tiegħek stess fuq kumment fuq Facebook. Ma għandux ikun hemm post għas-snowflakes fil-Partit Nazzjonalista.

Jidher ċar li fid-dibattitu li ser ikollna fuq l-abort, dawk favur l-abort ser ikunu f’pożizzjoni li jistgħu jgħidu li jridu imma allaħares xi ħadd min-naħa l-oħra jgħid xi ħaġa li tista tkun interpretata mhux flokha, għaliex dritt għad-depot u minn hemm għall-qorti! Is-sarima ġa bdiet titqiegħed ma’ ħalq dawk kontra l-abort!

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *