Where your opinion counts

L-estremiżmu ta’ Karol Aquilina ser iniżżel lil PN miegħu

Blog post minn osservatur politiku

Każ lampanti meta l-Partit Nazzjonalista jkun minn fuq, imma minħabba l-istupidaġni ta’ xi ħadd bħal Karol Aquilina, il-Partit Nazzjonalista jerġa jitlef mal-votanti.

Il-bieraħ, il-Partit Nazzjonalista kellu f’idu mitqlu deheb, wara li Konrad Mizzi ħabbar li ma kienx se jmur jixhed quddiem il-Public Accounts Committee (PAC). Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet li mexxa Beppe Fenech Adami u kien hemm jakkompanjawh Ryan Callus u l-istess Karol Aquilina, il-Partit Nazzjonalista kien kawt ħafna. Rajna lill-kelliema jilgħabu il-karti tajjeb ferm. Ryan Callus kien tajjeb ħafna fit-tweġibiet li beda jagħti. L-istess jista’ jingħad għal Beppe Fenech Adami. Kollha qagħdu attenti li jiffokaw fuq il-gvern u l-iskandlu tal-Electrogas.

Anke mill-mistoqsijiet tal-ġurnalisti kien jidher ċar li l-media kienet favur dak li kien qed jgħid il-Partit Nazzjonalista fuq din il-farsa ta’ Konrad Mizzi. Tant kienu attenti li saħansitra rreżistew milli jattakkaw lill-Ministru tal-Enerġija, Miriam Dalli, għax jafu li hi popolari ma’ ħafna nies inkluż Nazzjonalisti.

Wara nofsinhar marru l-Parlament għal-laqgħa tal-PAC. Anke hawn bdew tajjeb. Irnexxielhom iġibu lill-membri tal-Gvern fl-istess kumitat jaqblu magħhom li kull min jissejjaħ biex jixhed għandu jaċċetta.

Imma Karol Aquilina ma kienx kuntent. Mimli bl-arja li kiseb din il-ġimgħa bil-verdett tal-qorti, ħass li kellu jinqeda bil-PAC biex jikseb kundanna għal Konrad Mizzi. U hawn fejn falla u ġibed miegħu l-Partit Nazzjonalista kollu.

Għax min ma kellux simpatija mal-Partit Nazzjonalista beda jifhem li dak li għamel Konrad Mizzi kien żbaljat. In-nies bdew jindunaw waħedhom li jekk ma jridx jixhed mela għandu x’jaħbi. Iżda malli fetaħ ħalqu Karol Aquilina u pprova jumilja lill-membri tal-Gvern fuq il-PAC, hemmhekk tilef kollox. Hemmhekk reġgħet ħarġet il-politika odjuża li kkaratterizza l-Partit Nazzjonalista ta’ Simon Busuttil. Żball kbir.

Ħasra għal Bernard Grech u l-bqija tal-Partit Nazzjonalista.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *