Where your opinion counts

Peregin jammetti li mhux ser ikun kapaċi jrebbaħ l-elezzjoni lill-Partit Nazzjonalista. Xogħol hu li jżomm lil Bernard Grech fil-poter

Il-bieraħ kellna l-intervista’ ta’ Andrew Azzopardi ma’ Christian Peregin. F’din l-intervista’ ħarġu ħafna punti interessanti.

L-ewwel mistoqsija kienet dwar il-paga li qed jaqla’ dan l-iben prodigu, kif sejjaħlu Azzopardi innifsu. Anki jekk ma naħsibx li Peregin huwa prodigu għax qatt ma kien membru tal-Partit Nazzjonalista u telaq mill-partit u ġie lura. Prodigu huwa persuna li tkun membru ta’ partit, tmur ma’ partit ieħor u tiġi lura. Peregin kien jagħti s-support lil Lejber u mar mal-Partit Nazzjonalista għaliex offrulu salarju tajjeb ħafna.

Peregin kellu tweġiba faċli dwar kemm jaqla’ għax qal li l-politika tal-Partit Nazzjonalista, f’dan ir-rigward, hija li ħadd ma jiddikjara dak li jkun qed jaqla’, minħabba sensittivita’ kummerċjali. Biss infakkar lil Peregin li l-membri ta’ dan il-partit jintalbu biex iħallsu. Ħallas Ġaħan u l-Partit jgħatti, flok ma jgħid eżattament x’inhu x-xogħol tiegħu u kemm qed iħallsuh. Fejna t-trasparenza f’dan ir-rigward? It-tesserati, is-sidien tal-Partit Nazzjonalista, jħallsu imma m’għandhomx dritt ikunu jafu flushom kif qed jintefqu. X’ma jkunx hemm problemi bit-tqassim tat-tesseri u fil-kredibilita’ tal-Partit Nazzjonalista!

Fl-istess sentenza qalilna hekk:

‘It’s obviously a difficult situation because it’s tight to the elections, so it all depends on when the election is called. It’s a very unstable job in that sense so I will not be taking loans or anything like that”.

Qalilna mill-ewwel biex ma nistennewx mirakli għax iż-żmien huwa qasir, u l-elezzjoni tista’ tkun qiegħda wara l-bieb, anqas minn sena.

Peregin iddikjara li hu qatt ma kellu l-intenzjoni li jagħlaq it-televiżżjonijiet tal-partiti. Il-kawża li kien fetaħ kienet biex dawn l-istazzjonijiet ma tantx ikunu mimlija b’politika partiġġjana. Illum inħossni li qed ngħix f’dinja oħra! Kemm jinbidel id-diskors malajr. L-isbaħ hi li meta ġie mistoqsi dwar il-kawża li fetaħ, Peregin ma qalx li se jwaqqaf xi ħaġa. Mela jidher ċar li l-kawża u l-konsegwenzi kollha li tista’ ġġib magħha, se jibqgħu għaddejjin.

Hu kompla jgħid li l-Partit Nazzjonalista ma jistax iwassal il-messaġġ tiegħu fuq il-medja tiegħu biss. Naħseb Peregin jaf li l-medja tal-Partit Nazzjonalista ma tantx hi segwieta għax mhix kredibbli. Huwa stqarr li l-partit jekk irid iwassal il-messaġġ irid ikun fuq stazzjonijiet oħra u jispera wkoll li jkun mogħti xi ħin fuq mill-PBS, jiġifieri fuq ix-xandir suppost nazzjonali.

Azzopardi deher li qabżitlu għax kien għadu ma fehem xejn x’inhu eżattament ix-xogħol ta’ Peregin. Allura għamillu mistoqsija diretta biex jgħidlu x’inhu x-xogħol tiegħu. Kemm ilu hemm, f’dawn l-aħħar ġimgħatejn, Peregin kellu ħafna laqgħat biex jipprova jifhem ċertu aspetti, biex ikun jaf il-problemi li qed iħabbat wiċċu magħhom il-partit bħalissa, biex ikollu viżjoni ċara għaliex in-numri mhux juru avvanz, għaliex ma hemmx viżjoni ċara, għaliex hemm nies li s’issa għadhom mhux jaħdmu flimkien, għaliex naqas drastikament in-numru ta’ nies li jinvolvu ruħhom fil-Partit Nazzjonalista.

Jixtieq jara ħafna iżjed involviment. Mela waħda aħjar minn oħra, hu għamel ġest simboliku li mar jaħdem mal-partit. Kemm nixtieq nagħmel hekk jien u nitħallas €72,000 ewro! Wara kompla li jixtieq jara ħafna aktar nies inteliġenti jersqu lejn il-Partit Nazzjonalista biex iġibu tama u enerġija ġdida. Din żgur qalha għal tal-klikka, li qed imexxu l-partit bħalissa. Jiġifieri qed jgħid b’mod espliċitu, li ħafna minn dawk li hemm neqsin mill-inteliġenza, neqsin mill-viżjoni u neqsin mill-enerġija. Kemm qiegħdin sewwa. Nitolbu jagħmel ġest simboliku, jiġi u mal-ewwel jibda jgħajjar.

Biss it-tajba hija din. L-objettiv tiegħu huwa li jnaqqas id-distakk u li jibni oppożizzjoni b’saħħitha u mhux li jerbaħ l-elezzjoni. Mela dan ġie biex jipprova jsalva post Bernard Grech. Xi ħaġa punġenti li qal kienet meta semma lil kull wieħed minn dawk l-uċuh li se jkunu uffiċċjali għax kienu magħżulin minn Dr Grech. B’dak li qal Peregin jidher li dan diġa’ kellu sehem f’dawn id-deċiżżjonijiet. U la qed jgħid li dawn għandhom inteliġenza tajba, u din diġa’ rreferejt għalija, qed ifisser li ta’ qabilhom ma kellhomx. Dawn huwa diskors li jweġġa’ u jidher li Peregin għandu bżonn li issa mhux ġurnalista iżjed imma huwa parti integrali minn partit politiku. Irid jirfina lsienu u ma jibqax arroganti għax ċertu dikjarazzjonijiet iweġġgħu.

Min dak li smajnieh jgħid waqt l-intervista fejn għandu x’jaqsam ma’ suġġetti diversi, hu qed jgħid li hu se jkun persuna oħra fid-diskussjoni, fejn allura rridu nifhmu li hu se jkun qiegħed ipoġġi l-ħsibijiet tiegħu fuq il-mejda biex jipprova jibni strateġija aktar magħquda fil-ħsieb. Forsi tajjeb f’dan ir-rispett li l-Partit Nazzjonalista, li ilu per eżempju, jiddiskuti l-użu tal-cannabis għal żmien twil u għadu ma ħareġ xejn u forsi wkoll ma nkomplux nisimgħu li l-kap Dr Bernard Grech joqgħod fuq dak li jgħidulu wliedu. Iddiskuti kemm trid Peregin, imma tippruvax tbenġel il-fatti. Sitt laqgħat tal-grupp parlamentari u ebda pożizzjoni fuq il-kannabis. Kemm se jiddiskuti dan il-grupp, sa l-anno mai?

Mistoqsi dwar Jason Azzopardi qal li jrid jitgħallem jiġri bħalu, għax Jason għandu viżju jgħaġġel. Biss ma qalx li hu l-giddieb tas-seklu. Mhux biss gideb lill-martu iżda saħansitra gibed taħt ġurament.

B’dawn it-tip ta’ argumenti, il-Partit Nazzjonalista mhux ser javvanza ‘l quddiem imma ser imur lura.

2 thoughts on “Peregin jammetti li mhux ser ikun kapaċi jrebbaħ l-elezzjoni lill-Partit Nazzjonalista. Xogħol hu li jżomm lil Bernard Grech fil-poter

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *