Where your opinion counts

Għadu ma ġiex ikkonfermat it-tieni distrett li ser joħroġ Adrian Delia fuqu

Blog post minn Kunsillier Nazzjonalista minn Ħaż-Żebbuġ

Min hu Dr Bernard Grech? Illum ninstab ċert li kulħadd jaf min hu Dr Bernard Grech. Kap tal-Partit Nazzjonalista, li mid-dehra ser jieħu ferm aktar fit-tul li jgħaqqad il-partit milli kien previst u mwiegħed minnu stess waqt it-tiġrija għall-kap ġdid. Dr Grech kien persuna li kellu stima kbira ħafna mill-pubbliku in ġenerali, taqbel politikament miegħu jew ma taqbilx. Kien persuna li kellu rispett tista’ tgħid minn kulħadd. Għandu lsienu tajjeb ħafna sabiex jispjega b’ċarezza u b’lingwa li tifthiem minn kulħadd punti legali li kellhom x’jaqsmu ma’ kwistjonijiet u polemiki li jinħolqu bejn inkwilini u sidien. 

Ġara li Dr Adrian Delia, ried li Bernard Grech jidħol aktar dirett fil-politika u daħħlu ġewwa cluster u Dr Bernard Grech beda jintegra sew tant li sar ħafna ħabib mal-klikka li riedet akkost ta’ kollox taqta’ ras Adrian Delia u titfagħha, bħal ma kien ġralu Ġwanni l-Battista, fuq platt sabiex jaraha kulħadd. Hawn fejn hu l-iżball ta’ Bernard Grech. Biss jidher li Bernard Grech ser ikompli jippersisti fl-iżballji tiegħu. Issa jekk persuna tkun tagħtek palata sabiex inti tkun tista’ timxi ‘l quddiem, jekk int tkun persuna integra u onesta, kif isejjaħ lilu nnifsu hu stess, żgur ma tasalx li lill-istess persuna tagħtih daqqa ta’ stallet ġo dahru.

Biss xorta nibqa’ naħseb li Dr Bernard Grech għad għandu ftit tad-dejn ma’ Dr Delia meta wieħed iqis li sal-lum il-ġurnata għad m’għandniex konferma fuq it-tieni distrett li ser jikkontesta Dr Delia. Jien kunsillier Nazzjonalista minn Ħaż-Żebbuġ u għadni qed nittama bil-ħerqa li Dr Delia jkun kandidat għall-elezzjoni li ġejja fid-distrett tagħna. Aktar u aktar meta wieħed jiftakar li sabiex Dr Delia sar kap tal-partit, l-unika kandidat li offra s-siġġu tiegħu kien Jean Pierre Debono li kien elett mid-distrett tagħna.

Xi xhur ilu Dr Delia ġie jgħix fostna u meta kellimtu kien qalli li jkun ta’ privileġġ għalih jekk jikkontesta f’dan id-distrett pero’ d-deċizzjoni ma hix tiegħu iżda tal-partit. Allura jien nistaqsi, x’qed jistenna jewilla x’qed iżomm lil Dr Bernard Grech milli jiddeċidi? Tgħid għadu ma ltaqax, jewwilla ma’ laqqgħatux Roberta Metsola mal-kardinal sabiex ikun jista jieħu deċiżjoni? Tajjeb li nfakkar ukoll li mid-distrett tagħna, Godfrey mar mal-ADPD filwaqt li l-bravu Beppe Fenech Adami qed jgħid li ma jridx jitlef ħin Ħaż-Żebbug peress li qed jitwerwer li Delia ser jerbahlu fit-8 Distrett. 

Qegħdin tindunaw li ħafna kandidati diġa’ ġew approvati fiż-żewġ distretti? Mela għalfejn Dr Delia għadu kkonfermat f’distrett wieħed biss? 

Dr Bernard Grech, int għandek dover bħala kap li tara li l-affarijiet isiru bis-serjeta’, b’integrita u onesta’, u fuq kollox għal ġid tal-Partit Nazzjonalista. Issa jekk anke dawn il-prinċipji fundamentali Nazzjonalisti qed jiġu mxekkla, allura verament li taħt it-tmun tiegħek, nistgħu ngħidu li xi darba kien jeżisti l-Partit Nazzjonalista u nħalli lilkom tiġġudikaw min verament hu Dr Bernard Grech.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *