Il-ġustizzjaliżmu ta’ Jacob Borg kontra Adrian Delia

Il-bieraħ kellna konferenza mill-kap tal-oppożizzjoni. Wieħed milli staqsih mistoqsijiet kien Jacob Borg. Il-mistoqsija li għamel Borg hija konferma li t-Times of Malta ta’ l-agenda li teżisti f’Times kontra Adrian Delia. Jimpurta biss li tmexxi agenda ta’ gideb kontra dan ir-raġel. Din hija xi ħaġa tal-mistħija.

Biex jintlaħaq dan l-iskop, il-ġurnalist tat-Times of Malta, Jacob Borg, spiċċa jwarrab għal kollox mis-suġġett tal-konferenza fuq l-FATF u staqsa fuq dan il-politiku. Żgur li hu ma għandux x’jaqsam mad-deċizzjoni tal-FATF kontra Malta jew b’xi mod jaħti għal din id-deċizzjoni. Anzi, Jacob Borg niżel fuq livell personali. Il-mistoqsija ta’ Jacob Borg kienet tgħid hekk:

“Your predecessor Adrian Delia, has actually been associated with money laundering. There was an FIAU report that detailed disputes of money laundering and there is also an ongoing inquiry about funds that he allegedly received from Yorgen Fenech. If you want to send a strong signal why haven’t you got rid of him?

Apparti t-tweġiba li ta’ Dr Grech li għal mument mhux se niddiskutiha hawn, imma li wera biċ-ċara li ma jafx l-affarijiet tiegħu meta kellu fejn mhux biss jiddefendi ex-kap ta’ qablu, imma jikxef l-ingann ta’ dan il-ġurnalista. Dak li Jacob Borg ried jilħaq b’din il-mistoqsija huwa sens ta’ ġustizzjaliżmu. Din il-kelma li ġejja mit-Taljan, tintuża fir-rigward ta’ xi persuna li jkun irid jagħmilha ta’ ‘judge, jury and executioner’. Għaliex qed ngħid dan? Għaliex dak li trid The Times hija It-tkeċċija ta’ Adrian Delia mill-Partit Nazzjonalista, xi ħaġa li l-klikka ilha snin tipprova imma li ser tibqa’ b’xiber imnieħer.

Ejja mmorru ftit lura biex naraw minn fejn ġiet din il-mistoqsija ta’ Jacob Borg. Xi sentejn jew tlieta ilu, Dr Adrian Delia kien għamel kawża kontra l-Attorney General, Dr Peter Grech, ħalli jkun jista’ jkollu kopja tar-rapport Egrant. Wara li fetaħ il-kawża, b’kumbinazzjoni kbira, l-FIAU fetaħ investigazzjoni fuq Adrian Delia fuq ħasil ta’ flus u din l-informazzjoni kienet ‘leaked’ lil The Times. B’kumbinazzjoni kbira wkoll l-FIAU kienet f’dik il-ħabta immexxija mill-istess attorney general, Dr Grech. Jekk ma niżballjax, din l-investigazzjoni kienet dwar il-famuż bini f’Soho. Biss ma nafux id-dettalji. Dak li hu żgur li dan il-bini ma kienx ta’ Adrain Delia. Delia kien l-avukat. L-appartamenti kienu ta’ qraba ta’ Simon Busuttil – imma miskin Jacob Borg dwar dan ma jgħid xejn.

Wara li ntrebhet il-kawża tal-Egrant u b’hekk l-avukat ġenerali kellu jagħti kopja tar-report lil Adrian Delia, u Delia għamlu pubbliku, terġa’ toħroġ storja oħra kontra l-istess Adrian Delia. Din l-istorja, b’kumbinazzjoni kbira terġa tkun irrappurtata mit-Times of Malta. Din l-istorja kienet tgħid li l-FIAU lestit ir-rapport fuq Adrian Delia u dan ġie mgħoddi lill-Pulizija biex tinvestigah. Dan ġara xi sentejn ilu. Dak li Jacob Borg ma qalx jew ma jridx jgħid huwa li sal-lum, la FIAU u l-anqas il-pulizija qatt ma bagħatu għal Adrian Delia. Jekk forsi l-awtoritajiet, dak iż-żmien, ma sejħux lil Adrian Delia minħabba li kien Kap tal-Oppożizzjoni, issa Dr Delia ilu li spiċċa minn Kap tal-Oppożizzjoni tmien xhur u nofs u xorta għadhom ma bagħtux għalih jew kellmuh.

Irridu niftakru wkoll li Dr Delia kien staqsa pubblikament lill-awtoritajiet konċernati biex jekk għandhom l-iċken dubju fuqu, huwa lest li jmur jiltaqa’ magħhom u jirrispondi kwalunkwe mistoqsija li jagħmlulu.

Jacob Borg kellu wkoll l-għardir li jirreferi għall-istorja ffabbrikata li Adrian Delia kien irċieva flus minn għand Yorgen Fenech. Infakkar li t-tieni parti tal-mistoqsija ta’ Jacob Borg hija marbuta ma’ storja ta’ flus li allegatament irċieva Adrian Delia mingħand Yorgen Fenech biex jintużaw sabiex issir kampanja kontra David Casa biex dan ma jitlax bħala membru tal-Parlament Ewropew. Fuq din l-istorja kien hemm inkjesta quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke. Kienu telgħu jixhdu kemm David Casa u David Thake. Casa kien qal, taħt ġurament, li hu ma kellu ebda prova ta’ dan. Fuq il-pedana tax-xhud, David Thake kien qal, taħt ġurament, li hu sar jaf b’din l-istorja minn għand xi ħadd, li kien semagħha minn għand xi ħadd ieħor, li kien ukoll semagħha minn persuni oħra. Kif jgħidu t-Taljani, kienet storja ta’ detto del detto.

Mela skont Jacob Borg, persuna għandha titkeċċa minn partit fuq fatti li ma humiex veritieri, imma la darba ġew ‘spinned’ mit-Times dawn isiru reali. Kemm hu sewwa li ġurnalist jinqeda’ b’sitwazzjoni ta’ konferenza stampa biex jilgħab għall-gallarija biex ikompli jmexi l-aġenda tal-klikka korrotta fi ħdan il-Partit Nazzjonalista. Dawn l-attakki personali fuq Adrian Delia qed isiru minn persuni fil-Partit Nazzjonalista, li huma qrib The Times, għar-raġunijiet li jafu huma biss. Dak li hu żgur li dawn ma jridux lil Adrian Delia fil-politika Maltija. Dawn in-nies jarawh bħala theddida personali.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *