Where your opinion counts

Id-Dar Ċentrali saret Ċimiterju

Blog post minn osservatur politiku

Dr Mercieca, inti tellajt artiklu fejn irreferejt għal talba tal-amministrazzjoni tal-Partit Nazzjonalista biex jersqu lejn u jiġu lura voluntiera li kienu telqgħu mill-partit biex jagħtu ftit minn ħinhom. Sewwa ntqal fl-artiklu li kien hemm ħafna li kienu jagħtu mhux ftit imma ħafna ħin fid-Dar Ċentrali. Fejn spiċċaw ma nafx, imma żgur li mhux qiegħdin hemm, għax id-Dar Ċentrali saret qisha ċimiterju.

Biss nixtieq inwassal messaġġ u nagħmel paragun żgħir bejn din l-aħħar kważi sena u x’ġara fit-tliet snin ta’ Dr Adrian Delia u fis-snin ta’ qabel. Ħafna Nazzjonalisti bħali jiftakru dak iż-żmien, meta ħafna voluntiera kienu jilbsu l-flokkijiet tal-VNET u kont tarhom f’uffiċini diversi jgħinu u jaħdmu bil-qalb. Dan kien iż-żmien ta’ Dr Simon Busuttil. Meta kien hemm l-elezzjoni tal-Kap fl-2017 u rebaħ b’mod l-aktar demokratiku Dr Delia, dawn kważi sparixxew kollha.

Ippermettili nistaqsi mistoqsijiet diretti lil kull min kien jgħin lill-Partit Nazzjonalista fi żmien Simon Busuttil. Għaliex abbandunajtu lill-partit wara li tela’ Delia? Kien hemm xi ħadd li għajjarkom jew offendikom? Kien hemm xi ħadd li qalilkom li d-Dar Ċentrali ma għadhiex tagħkom? Keċċikom xi ħadd minn dawk t-tnejn min-nies li kellu madwaru Delia dak in-nhar? Kellimkom b’xi herra Dr Adrian Delia? Kellimtuh u wera xi attitudni ta’ arroganza jew ta’ suppervja? Qatt infaqa’ magħkom fuq it-tgħajjir li kien qed jaqla’ minn Nazzjonalisti suppost sħabu? Jekk dawn ir-risposti huma kollha le, mela għalfejn tlaqtu? Ma naħsibx li kontu tafu lil Dr Adrian Delia minn qabel. Allura kif iġġudikajtuh tant ħażin li abbandunajtu lilu u lill-Partit Nazzjonalista?

Naf u naf sewwa, li jekk tqegħdu idejhom fuq il-kuxjenza, ma intom ser isibu xejn ta’ kritika fuq Dr Delia. Sfortunatament intom emmnitu, mingħajr ebda fatti u provi, dak li ġie mitmugħ lilkom minn Simon Busuttil u Daphne Caruana Galizia. Intom emmintu lil Dr Simon Busuttil li mexa u emmen in-narrattiva ta’ Daphne Caruana Galizia meta xandret ġrajjiet foloz fuq l-istess Delia. Issa dak in-nhar, jekk kien hemm xi ħadd li seta’ jifhem aħjar li dan kollu kien ġideb kien Dr Busuttil innifsu għaliex f’każ minnhom, kellu membru tal-familja tiegħu mdaħħal fl-istorja tal-allegatament ħasil ta’ flus marbuta ma’ Soho.

Imma l-ħsieb kien diġa’ mfassal. Daphne kienet qalet li se tkisser lil Delia b’attakki fuqu, bħal ma kienet qed tagħmel fuq Joseph Muscat. U dawn il-fatti kien hemm min kien jafhom ġod-Dar Ċentrali. Żgur li ma kienx hemm tgħajjir fuq il-voluntiera minn nies ta’ madwar Dr Delia. Meta kienu ilhom jissaportu xhur u snin, kien hemm min tilef il-kalma u qal xi kliem żejjed. Imma morru llum u araw min ikun bil-qiegħda fir-reception (żewġ nisa magħrufin sewwa) u saqsuhom jekk xi darba xi ħadd qallhom biex jitilqu jew jisparixxu. Anzi nazzarda ngħid li kien hemm nies li kienu baqgħu jgħinu li kienu jgħidu, li huma se jibqgħu hemm għax dalwaqt neħilsu minn Dr Delia.

Qagħdu hemm tul is-snin ta’ Delia biex stennew iż-żmien propizju sa kemm waslu biex tajru lil Dr Delia. Imma x’ġara fi żmien Delia? X’ma għajruhomx lil dawk li kienu jgħinu lil Dr Delia waqt iż-żmien tat-tmexxija tiegħu. Ma naħsibx li hemm għalfejn nelekna it-tgħajjir. Kulħadd jaf li dawn ta’ kontra Delia kienu saru annimali feroċi u li ssibhom fid-dranaġġ. Issa dak it-tgħajjir intesa. Dak l-atteġġjament ta’ dalwaqt nerġgħu nieħdu kollox f’idejna spiċċa. Issa veru ħadtu kollox f’idejkom, mela aħdmu kemm tifilħu bħal ma għamilna aħna fi żminijiet qabel.

Għalfejn triduna lura? X’tambuna? Għalfejn triduna ma saqajkom? Dr Zammit Dimech int kont wieħed minn dawk li ridt il-bidla fil-kap tiegħek. Issa din il-persuna qiegħda fuq pultruna onorabbli. Int taf sewwa minn xix għaddew dawk il-voluntiera. Mela tibqax tinsulenthom billi tistaqsihom għall-għajnuna. Issa sibu lil dawk li kienu hemm jistennew sa meta jitkeċċa Delia. Imma forsi għandkom żewġ problemi żgħar. Waħda li dawk il-voluntiera ta’ qabel Delia, qalulhom biex jibqgħu leali lejn Dr Busuttil u bnewlhom strutturi ġodda fejn jaħdmu. Dawn ġew impressjonati b’dak li kienu qed jagħmlu Repubblika et al. u marru jaħdmu magħhom.

It-tieni jista’ jkun li dawn ma huma mpressjonati xejn bil-Partit Nazzjonalista bħalissa. Dawn ma tantx qed juru fiduċja f’Bernard Grech u fik Dr Zammit Dimech għax forsi qed jaslu għall-konklużjoni li la Dr Bernard Grech u lanqas Dr Francis Dimech ma ħadu l-pultruna b’għajta ġenwina u b’għajta sinċiera imma b’ħidma ta’ tradituri lejn it-tesserati tal-Partit Nazzjonalista.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *