“Keċċejtuna. Issa triduna lura meta ġibtu lill-partit frak”

Blog post minn osservatur politiku

Irċevejt dan il-messaġġ minn għand il-Partit Nazzjonalista u nixtieq naqsmu magħkom il-qarrejja bil-ħsibijiet tiegħi fuq din il-karba tal-amministrazzjoni. Kemm nieħu pjaċir naqra li hemm ħafna kandidati ġodda lesti li joffru s-servizz tagħhom lill-Partit Nazzjonalista. Ikun interessanti li nkunu nafu f’liema xhur irnexxielhom jattiraw dan in-numru kbir ta’ kandidati. Nifrakar tajjeb li kien hemm lista ta’ kandidati ġodda lesta biex tixxandar, imma twaqqfet minħabba l-elezzjoni tal-kap, kważi għaxar xhur ilu.

Il-paraguni odjużi imma tajjeb naraw kemm resqu lejn il-partit kandidati ġodda kemm ilu li laħaq Dr Bernard Grech. Min ikollu la parola facile, malajr iniżżel u jħażżeż dan il-kliem miktub f’dan il-messaġġ. Persuni b’viżjoni tinkwitani daqsxejn għax jekk tieħu bħala eżempju l-ambjent ma tantx jidher li hemm viżjoni ċara fuq dan is-suġġett tant importanti għal pajjiżna. Dan evidenżjajnih fil-parlament il-ġimgħa l-oħra.

Parti minn din il-kitba fiha ukoll kontradizzjoni għaliex il-kandidati viżjonisti jrid ikollhom iswed fuq l-abjad il-viżjoni tal-partit għal meta jmorru jħabbtu l-bibien. It-taħbit fuq il-bibien huwa mportanti ħafna imma jkun aħjar jekk ikunu preparati ta’ kif se jirrispondu, per eżempju fuq l-ittra bla sens li kiteb il-Kap tal-Partit lill-FATF, issa wara li Malta ġiet grey listed.

Waħda mill-affarijiet li darsuni f’dan il-messaġġ huwa li jinħolqu karigi strateġiċi ġodda. Mhux biżżejjed daħlu armata ġenerali, bl-€40,000 kull wieħed, tridu timpjegaw aktar? Mid-dehra Dr Grech sab xortih għax għall-Partit Nazzjonalista, sar ‘money no problem’. Il-partit ilu snin twal li bena pedament sod, Sur kittieb, imma f’dawn l-aħħar snin dak il-pedament tmermer. L-ewwel beda bl-arroganza wara l-2008. Kompla mit-tmermir tal-attakki biss fuq il-korruzzjoni, biex obdejna u mxejna fuq l-aġenda ta’ Daphne Caruana Galizia u wara kompliet bil-viljakkerija tal-klikka li kompliet tefgħet lill-Partit Nazzjonalista f’abbissi fejn ma jarawx xaqq dawl.

Issa din l-amministrazzjoni trid il-ħin tiegħi wkoll. Mela f’dawn l-aħħar għaxar xhur tajna bis-sieq ruxmata nies, għajjarna u spiċċajna keċċejna lil dawk li baqgħu, b’kull dritt immaġinabbli, wara Dr Adrian Delia u issa triduhom lura biex jagħtukom ftit mill-ħin tagħhom. Dawn mhux ftit taw lill-partit imma siegħat twal u saħħithom u ġew stmati qishom għandhom il-pesta jew morda bil-lebra. Issa qed jitolbuna ningħaqdu bħala voluntiera. Hemm konna. Keċċejtuna. Issa triduna lura meta ġibtu lill-partit frak. Meta lit-30% ta’ tesserati vvutaw lil Dr Delia, qażżistuhom bi kliem offensiv u ta’ stmerrija. Jekk nibda’ nsemmi eżempji ma nispiċċa qatt.

Tinkwetax Dr Grech il-marka tiegħi fuq il-Partit Nazzjonalista hemm qiegħda. Ma jista’ jħassarha ħadd u qatt, allavolja int u sħabek keċċejtuni. Ftakar li l-Partit Nazzjonalista mhux tiegħek. Il-Partit tiegħi u ta’ sħabi t-tesserati u s-sostenituri. Int qiegħed hemm għal perjodu qasir. Ta’ madwarek issa ħassew li għandhom jagħtu sehemhom, għax bil-flus. Fejn kienu fit-tliet snin ta’ qabel tfaċċajt int? Jiena naf fejn kienu u naf x’kienu jagħmlu imma ma hemmx għalfejn inxandruhom mal-pajjiż kollu.

Dr Grech ir-responsabilita’ tar-riżultat tal-elezzjoni li ġejja erfgħu int u l-klikka li poġġietek. Jien ħdimt kemm flaħt u ġejt mormi. Issa noqgħod gallarija u nħalli lil min tajjarni, jaħdem hu. B’dispjaċir ngħid dawn l-affarijiet, imma ftakar li l-feriti ma jfiequx malajr u agħar minn hekk, qed jitwal il-proċess ta’ fejqan għax għad hemm min qed jieħu gost jitfa’ l-melħ fuq il-ferita.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *