FATF – x’inhi t-triq il-quddiem?

Minn osservatur politiku

Ma ħaqqhomx aħjar għad-deċiżżjoni li ħadu. Għalkemm għadha mhux uffiċjali, it-Times of Malta u LovinMalta kienu l-ewwel li xandru din l-aħbar diżastruża. Ma tistax issejħila mod ieħor għax dan huwa riżultat, dan huwa fatt li minnu ma jista’ joħroġ ebda ġid għal pajjiżna. Dan huwa riżultat li l-pronostiku tiegħu huwa tant negattiv li bilfors trid issejjaħlu diżastruż.

Biss jidher li huwa verament riżultat negattiv għax diġa’ kellna lill-Kap tal-Oppożizzjoni jesprimi ruħu fuq is-suġġett. Bħala Malti nħossni mbikkem u mnikket b’din id-daqqa ta’ ħarta kbira li ħa pajjiżna. Din hija deċiżżjoni li żgur se tolqot liċ-ċittadini Maltin u Għawdxin kollha u ma tistax tgħid mod ieħor, għax se nintlaqtu ħażin. Din hija deċizzjoni li tista’ ssarraf, nispera u nitlob li le, f’telf ta’ xogħol f’setturi tant importanti għal pajjiżna. Kwalita’ ta’ xogħol, li gvernijiet Maltin riċenti huma min huma, ħadmu qatigħ biex ħolqu u saħħew.

Sfortunatament bħalissa tħoss li armejna kollox ġo l-aktar baħar fond li għandna madwar pajjiżna. Nistgħu nħarsu lura u nibdew naqilgħu minn żniedna u nwaħħlu f’dak u fl-ieħor. Biss, mingħajr ma nippontaw subajna, bil-fors li hemm min irid jerfa’ livell ta’ responsabilita’ fuq dan il-bdil għall-agħar fuq pajjiżna. Mill-informazzjoni li kulħadd jista’ jfittex wieħed jara li sal-2016 kellna rapporti tajbin u l-istess FATF kienet għaddietna minn kwalunkwe eżami sa dak iż-żmien.

Sfortunatament wara dik is-sena f’pajjiżna beda jberraq u bdew isiru affarijiet li bihom konna qed nibagħtu sinjali pjuttost negattivi. Fl-2018 persuni speċjalizzati mill-FATF reġgħu ġew f’pajjiżna biex iwettqu l-istudji tagħhom u jaraw fejn konna qed nisgarraw. Malta f’dawn l-aħħar xhur u snin kellha diversi sfidi u kellha diversi ordnijiet minn istituzzjonijiet internazzjonali biex tbiddel ir-rotta u tirriforma biex tilħaq livelli aktar sikuri.

Kif kulħadd jaf, l-aħħar riżultat ottenut kien dak tal-Moneyval ftit tal-ġranet ilu. Għalkemm ma għaddejniex f’xi riżultat straordinarju, irnexxielna ngħaddu mill-eżami u kullħadd ħa nifs twil. Biss l-FATF talbet iżjed minn pajjiżna. Issa l-ħarsa tagħna trid tkun lejn il-futur. Politikament l-istabbilita’ ta’ pajjiżna għadu kif ħa theżżiża kbira. Imma issa t-tragward tagħna jrid ikun Ottubru li ġej, biex naraw x’iktar irid isir, biex ninqalgħu minn fuq il-griż u nerġgħu lura għal bjuda li dejjem kellna.

Il-Gvern għandu għadma iebsa quddiemu. Jekk ħadem ħafna xorta ifisser li ma ħadimx biżżejjed. Hemm bżonn iżid id-doża. Hemm bżonn jinjetta aktar xogħol ta’ fejda. Bilfors irid jiffoka iżjed. Bilfors irid isejjaħ aktar esperti fil-qasam. Ma nħossx li l-Gvern għandu jiddejjaq jitlob l-għajnuna. Nispera u nittama li din ma kienetx daqqa fuq pajjiżna, minħabba ftit uċuh li setgħu ħamġulna r-reputazzjoni tagħna. Jekk ir-riżultat negattiv jindika hekk, l-unika triq trid tkun li kull min għamel il-ħsara, iħallas għaliha. Pajjiżna jiġu qabel kull individwu. Pajjiżna jiġi qabel kull politiku. Pajjiżna jiġi l-ewwel, qabel kollox u kulħadd.

One comment

Leave a Reply