Where your opinion counts

Min huma l-uċuh l-oħra li qed jissemmgħu fil-Partit Nazzjonalista?

Blog post minn osservatur politiku

Il-Malta Today tal-Ħadd 20 ta’ Ġunju, apparti li qaltilna dwar l-kuntatti li saru biex jinbidlu l-Viċi Kapijiet qaltilna wkoll li Dr Grech qed jaħseb biex ibiddel anke ċertu pożizzjonijet fi ħdan il-Partit. Donnu Dr Grech issa se jdur fuq il-maturita biex idaħħal uċuh iżgħar. Qed idejquh is-segretarju ġenerali, kif ukoll il-presidenti tal-eżekuttiv, tal-amministrattiv u tal-kunsill ġenerali. Tlieta minn dawn, huma nies li kellhom sehem qawwi biex isir hu, bħala kap u għinu kemm felħu fil-kampanja tiegħu biex jikkonvinċu tesserati biex ineħħu lil Adrian Delia. Kien għadhom ma jafux min kien se jikkontesta kontra l-Kap sedenti dak in-nhar, Adrian Delia, l-importanti li jtajruh.

Ikolli naħseb li kieku saret it-tellieq għall-kap bejn Adrian Delia u xi ħadd, hu min hu, (anke jekk kien ix-xitan ħa nieħu spont minn Fredu Sant) ukoll kien jivvutaw lilu basta jtajru lil Adrian Delia. Issa waslet tagħkom ukoll u dalwaqt ikollkom tagħmlu l-wisgħa. Imma serħu raskom għax lil min qed isemmu kienu spalla ma’ spalla magħkom fil-ħidma biex jittajjar Delia. Mhux se jmorru l-bogħod ifittxu n-nies. Qed iħarsu lejn uċuh li ma huma ġodda xejn imma ilhom fil-partit jagħmlu l-bsaten fir-roti u jgħinu biex jittajjar il-kap, Adrian Delia.

Il-gazzetta semmiet lil Joe Grech, il-President tal-fergħa taż-żgħażagħ. Issa ħa nfakkru. Kull survey li sar sa issa dejjem wera li ż-żagħżagħ Maltin u Għawdxin flok jersqu qed jitbiegħdu mill-Partit Nazzjonalista. Dan Dr Grech, fin-numru ta’ snin li ilu President ta’ din il-fergħa, x’wettaq biex ressaq iż-żgħażagħ lejn il-Partit Nazzjonalista? Għamel x’għamel jekk għamel xi ħaġa żgur li falla. Il-mira tal-fergħa falliet bil-kbir. Mela jekk għandek fallut se tkompli tonorah. Bħala rigal allura nsemmieh għal post iktar sinifikanti. Hekk ikunu il-blue eyed boys. Nirringrazzjawhom għax għinu fil-kampanja ta’ Dr Grech u mhux għall-kapaċita’ tagħhom.

Qed jissemma wkoll Mark Anthony Sammut. Ieħor dan li ħadem kemm felaħ biex itajjar lil Dr Delia. Dan kien wieħed minn dawk li mar idur it-tesserati fid-djar tagħhom biex jiġbor biżżejjed firem biex iressaq f’ismu wkoll, il-vot ta’ sfiduċja fil-kap tal-partit. Xempju ta’ irġulija twerżaq. Dan kien ukoll il-bniedem li wara t-telfa tal-elezzjoni tal-MEPs irreżenja minn President tal-Eżekuttiv. Taf meta kellu jirriżenja dan meta taħt it-tmexxija tiegħu bħala President tal-Eżekuttiv, saret dik it-tgħaffiġa li ħalla t-teżorier jivvota meta l-istatut ma jippermettihx. Dak in-nhar flok tefa’ x-xugaman u dabbar rasu, le dawwar il-kanuni fuq ħaddieħor. Imbagħad irreżenja bil-ħsieb li oħrajn jagħmlu bħalu għax ried li jirriżenja Adrian Delia. Jaħasra kemm ħasibhom ċwieċ lit-tesserati. Issa qiegħed kandidat fuq l-għaxar distrett ukoll għall-elezzjoni li ġejja. Dan ieħor miċħud f’pajjiżu. Għax trid tkun verament tkun għatxan għas-siġġu parlamentari biex mill-Gudja tmur Tas-Sliema tipprova tiġbor xi vot.

Qed tissemma wkoll Dr Martina Caruana. Din diġa għandha pożizzjoni mportanti ħafna fil-partit bħala President għar-Riċerka Politika. Possibbli, għadha tipprova ssib saqajha f’din il-pożizzjoni, diġa’ qed tissemma għal xi pożizzjoni oħra. Dawn huma affarijiet inkwetanti għax biex tħott knisja biex tibni kappella, tkun qed tibgħat messaġġi ta’ nuqqas ta’ riżorsi.

Bħala tesserat tal-Partit inħoss li dawn huma mossi biss ta’ apparenza u mhux ta’ sustanza. Dawn se jsiru, jekk isiru, biex jagħtu l-impressjoni li qed issir xi ħaġa. Ir-raġuni sempliċi li għalihom qed isiru hija waħda, biex taparsi jippruvaw jagħtu wiċċ żgħażugħ biex forsi jippruvaw iwaqqfu l-emoroġija ta’ voti li għaddejja bħalissa. Dr Grech, bħalma diġa qalulek, hemm bżonn urġenti li mill-poeżija tgħaddi għall-proża.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *