Where your opinion counts

L-iljunfant ta’ Beppe Fenech Adami

Blog post minn osservatur politiku

L-espressjoni ‘The elephant in the room’ qed tintuża ħafna bħalissa f’Malta. Hemm min jużaha għall-ambjent. Jien ser nużaha fil-politika. Din hija espressjoni li jien smajt kemm-il darba titlissnet minn fomm bniedem li qatt ma kont nistenniha minnu. Qatt ma immaġinajt li t-tifel, ta’ wieħed mill-aktar mexxejja maħbubin fil-pajjiż mill-maġġoranza tal-poplu kien ser jużaha kontra l-kap tiegħu stess.

Għaliex Beppe Fenech Adami ma kellux fiduċja f’Adrian Delia, kien jużaha ta’ spiss waqt il-laqgħat importanti tal-Partit Nazzjonalista. Missier dan id-deputat kien Kap tal-Partit Nazzjonalista u kien irrispettat ħafna. Dejjem kienu jaqblu miegħu il-kabinett tiegħu, il-grupp parlamentari tiegħu, il-Kunsill Ġenerali tal-Partit tiegħu? Daż-żgur li le. Qatt xi darba affrontawh fil-miftuħ? Daż-żgur li le. Pruvaw itajruh in-nies ta’ madwaru? Daż-żgur li iva. Imma sar wara l-elezzjoni li huwa tilef fl-1996. Wara kien hemm vot ta’ fiduċja fil-Kunsill Ġenerali, li rebħu, u kull wieħed u waħda, anke dawk li rribellaw u pruvaw itajrulu rasu, baxxew rashom għall-vot demokratiku tal-kunsilliera.

Mhux l-istess ġara fil-każ ta’ Adrian Delia. Ma kull nifs li kien jieħu, ma kull darba li kien jattendi fil-laqgħat tal-grupp parlamentari jew fl-eżekuttiv tal-Partit tiegħu, ma kull darba li kien jipparteċipa, hu kien mistenni li jorbot il-ħajja politika tiegħu mat-tmexxija tal-kap tiegħu. Imma le, dan id-deputat, Beppe Fenech Adami, mhux talli ma kienx jargumenta l-argument imma talli kien l-uniku li stqarr li ma kienx jikkonsidra lil Adrian Delia l-kap tiegħu. Kien dak li kontinwament kien jara ‘the elephant in the room’ waqt il-laqgħat. Kien il-bniedem li n-nuqqas ta’ maturita’, il-kilba li jibqa’ jżomm il-poter, is-sentiment ta’ rabta intima mal-akbar telfa li qatt ġarrab il-Partit Nazzjonalista, il-fissazzjoni li ma jitlax fl-elezzjoni ta’ wara, ma ħallitux kwiet u kkonċentrat fuq dak li titlob minnu l-politika.

Beda jara l-iljunfant fil-kamra u ma tax każ ta’ dak l-annimal ġigantesk li kellu f’għajnejh. Kemm-il darba smajtha li kien hemm l-iljunfant fil-kamra. Kont nitqalla nisma din il-frażi dejjem toħroġ minn bejn l-istess xuftejn ta’ dan il-bniedem mill-familja tant għażiża għan-Nazzjonalisti, Fenech Adami. Kienet frażi li kull darba li nitqal kellha magħha kattiverja. Kellha magħha xaqq ta’ għira. Kellha magħha moħħ imħasseb għax kien hemm ċans kbir ta’ telf ta’ voti.

Ir-raġuni kienet ċara. Beppe Fenech Adami rikeb fuq l-allegazzjonijiet li kienu qed jippruvaw ixerrdu fuq Adrian Delia. Kull ħaġa li semmew dak iż-żmien, li llum nafu li ma ħarġet ebda prova fuq l-ebda waħda anżi kellna rtirata papali minn Dr Jason Azzopardi, kienet idonea għal Dr Beppe Fenech Adami biex jirkeb fuqha. Dejjem iressaq dawk l-argumenti u jaraw l-iljunfant fil-kamra. Kull raġuni kienet valida biex joħroġ dak il-kliem vendikattiv mmirat biss għal skop wieħed biex iġiegħel lil Adrian Delia jirreżenja.

Qabel nitilgħu għal-laqgħat tal-eżekuttiv kienet kważi saret ċajta bejnietna, ċertu grupp fl-eżekuttiv, meta nistaqsu lil xulxin ‘tgħid kemm-il darba se jarah l-iljunfant illum?’ Biss kont nammira dik il-persuna li kienet meqjusa bħala l-iljunfant fil-kamra tal-eżekuttiv li kien ikompli bix-xogħol tal-eżekuttiv. Kien jipprova qalb dak it-tgħajjir kollu, qalb dak it-tfixkil kollu, qalb dawk l-interrużżjonijiet kollha, joħroġ xi ħaġa tal-ġid. Kien sod. Kien raġel. Kien konvint li kien qed jagħmel is-sewwa.

Illum tbiegħedt minn dawk il-kmamar li kont insejħilhom it-tieni dar tiegħi. Illum ma għadniex nersaq ‘l hemm. Iddispjaċut? Iva u kif. Imma trankwil li stinkajt kemm flaħt u għamilt dmiri u tajt sehmi sa kemm ħallewni. Biss la qatt rajtu l-iljunfant u lanqas qatt ma tfixkilt fit-tromba tiegħu.

One thought on “L-iljunfant ta’ Beppe Fenech Adami

  1. Meta nara il Kumitat tal Parlament li hemm nies bhal Beppe,u Karol li qed jipruvaw jeqirdu lidentita ta nies fil kummerc bil mod tal mistoqsijiet fuq il Familjari u fuq affarijiet li ma ghandhomx x’jaqsmu mas sugget nighd il PN spicca.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *