Where your opinion counts

€700,000 misluħa lill-poplu Malti fuq imħatri u l-Oppożizzjoni taqa’ fil-muta.

Blog post minn osservatur politiku

Imma kif ċertu nies dejjem ifuħu hux? Imma tiskanta kif nies Nazzjonalisti, ngħidilhom tat-triq għax ma jidhru mkien, jaqilgħu fl-istonku tagħhom, u oħrajn kapurjuni tal-Partit Nazzjonalista jerdgħu minn kull baqra li jsibu hu x’inhu il-kulur tagħha, basta jakkwistaw. Tiskanta u titnixxef kif il-media taparsi indipendenti f’ċertu stejjer taqa’ fil-muta, bħalma hi l-istorja tal-infieq esaġerat u logħob bl-imħatri bi flus il-poplu fil-Eurovision ta’ din is-sena.

Taqra l-artikli in kwestjoni u ssib kawtela kbira mill-istess ġurnalisti li meta ġiehom iċ-ċans biex ikissru persuni, bħal Adrian Delia u Joseph Muscat ma qagħdux lura. Tgħorkok għajnejk kif fuq din l-istorja l-Partit Nazzjonalista waqa’ fil-muta. Iwa ħadd mill-Oppożizzjoni ma jiftaħ ħalqu! Possibbli ħadd mill-Partit Nazzjonalista, li suppost qiegħdin għassa b’għajnejn ta’ seqer għal kull tentufa li jagħmel il-Gvern jew nies imqabbda minnu, ma jindenja ruħu jgħid jew jistaqsi kif jista’ jkun li l-infieq fuq parteċipazzjoni ta’ kantanta fil-Eurovision itella’ infieq straordinarju.

Fejn hu Jason Azzopardi li s-soltu ma jitlifx opportunita’ biex jiddeffes f’kollox? Dan avukat li jrid jippunta subgħajh fuq kollox u fuq kulħadd, possibbli din l-ispiża ma rahiex żejda? Ma ħassx li għandu jagħmel xi domandi fil-parlament? U fejn hi l-kelliema għal PBS, l-Arti u Kultura Therese Comodini Cachia? Possibbli lanqas lil din ma għokritha għajnejha fuq biċċa oxxenita bħal din? Tgħid hemm xi raġuni għax waqgħet fil-muta? Tgħid rabtulha lsiena sħabha stess li kienu qed jimbutawha għal kap tal-Partit Nazzjonalista?

Tiskanta u titnixxef kif Beppe Fenech Adami ma jħossx li għandu jistaqsi biex forsi toħroġ it-trasparenza fuq din l-istorja? Tgħid għaliex hux? Tgħid min hemm involut f’dan kollu? Tgħid ta’ min kienet l-idea li jilgħab flus il-poplu Malti f’imħatri biex jinfluwenza l-odds mal-bookmakers? Ara veru dan il-pajjiż tal-Mickey Mouse, kif qal tant tajjeb John Bundy, li anke hu spiċċa vittma tal-klikka li tikkontrolla l-PBS (Public Boradcasting Services) u l-interessi ta’ xi wħud li, jkun min ikun fil-gvern, jibqgħu dejjem jirrenjaw għax protetti minn Kastilja u protetti mill-familjari tagħhom fil-PN.

Issa x’se jiġri? Se nħallu f’idejn il-Ministru Carmelo Abela biex jiddeċiedi jekk fil-PBS sparpaljawx il-flus meta hu stess instab ħati li sparpalja €7000 f’kampanja fuq Facebook? Bernard Grech, li jħobb ikantalna waħda kultant, m’għandu xejn xi jgħid fuq din il-kwestjoni jew ma jistax jitkellem għax jaqbżu fuqu tal-klikka li qed jipproteġu l-interessi ta’ min qed jikkmanda minn wara l-kwinti fil-PBS?

Tan-Newsbook, il-website tal-Knisja, kif ma qalu xejn? Qed jipprovaw jgħattu lil xi ħadd? Jew kollox xejn m’hu xejn u €700,000 minn flus il-poplu ma saru jfissru xejn?

https://timesofmalta.com/articles/view/je-me-cash-malta-blew-650000-on-eurovision.874813?fbclid=IwAR286pndJwtQw-q_GPkjjwvNN465lIggIVeh-a76EvIw-pynlnyeg274xkY

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *