Where your opinion counts

Bernard Grech qata’ l-għatx ta’ Jason Azzopardi għad-dekasteru tal-ġustizzja bil-perżut

Blog post minn osservatur politiku

Id-dikasteri ta’ Karol Aquilina dwar il-Ġustizzja u Riformi Elettorali spiċċaw f’ħoġor Dr Bernard Grech biex jallokhom lil xi ħadd ieħor wara li Dr Karol Aquilina rriżenja mir-responsabilita’ li kienet fdatha lilu bħala kelliem tal-Oppożizzjoni. Jiena nawgura lil Dr. Karol Aquilina li jagħmel il-ġlieda tiegħu biex jipprova l-innoċenza tiegħu u nħallu f’idejn il-ġustizzja biex tagħmel dmirha mill-aktar fis possibbli.

Din l-imbierka ġustizzja saret patata taħraq għall-Partit Nazzjonalista. Niftakru kif wara diversi attakki ta’ konflitt ta’ interess fuq kull mezz ta’ xandir kontra li Jason Azzopardi ikollu bħala dikasteru l-ġustizzja, Dr Grech ma kellux għażla oħra ħlief li joħodlu l-ġustizzja minn taħt idejh. Imma Dr Aquilina, li nafu kemm iġġieled b’saħħa li jkollu dan id-dikasteru f’idejh u rnexxielu, ma tantx gawdih.

Ejjew inkunu ċari. Dr Aquilina kien jaf x’għamel u x’ma għamilx dak in-nhar tal-inċident. Biss ninsab ċert li dan il-każ intuża biex Karol Aquilina jkollu jirrinunzja għal dan id-dikasteru. Il-mistoqsija hija din. Min ħadem wara l-kwinti fuq dan il-każ, u kien jaf x’informazzjoni kellha f’idejha l-pulizija? Forsi wkoll, min kien wara din l-istorja, seta ssopona li Karol Aquilina kien ser ikun mixli b’dan l-allegat reat u mtella’ l-qorti kif fil-fatt ser jiġri. Infakkar li dan il-każ ta’ Karol Aquilina ġara qabel ma ngħata dan id-dikasteru, Mela l-mistoqsija hija din. La kważi kellu konferma sottili għalfejn Dr. Aquilina baqa’ jsostni li jieħu dak id-dikasteru partikulari? Hija x’inhija r-raġuni, Dr Grech iddeċieda. Dr Grech għadda kollox f’idejn Dr Joe Ellis. Jekk Jason Azzopardi xtaq dan id-dikasteru wara li Aquilina kellu jirrinunzjah, Grech qatagħlu l-għatx bil-perżut.

Naqbel ma’ din id-deċiżjoni ta’ Bernard Grech, b’riserva żgħira. Irrid ngħid li l-parlament qiegħed imxandar biex min irid isegwi, b’mod live jew rekordjat, dak li jkun qed jiġri. Kull meta smajt lil Dr Ellis jitkellem dejjem fhimt u rrealizzajt li hu preparat. Jidher ċar li jagħmel ir-riċerka tiegħu u jesponi l-argumenti tiegħu b’mod kristallin mingħajr ma jkun diffiċli biex jiftiehem.

Qed ngħid li ma tiddejjaqx tisimgħu. Nawguralu. Imma tgħid x’qed jgħid Dr Azzopardi wara li għal darba oħra ma ngħatax dan id-dikasteru? Tgħid ippretendih lura dan id-dikasteru? Tgħid talabulu lil Dr Grech? Ikolli ngħid li dawn iż-żewġ protagonisti tal-Partit Nazzjonalista ma tantx qed jaraw għajn m’għajn. Ikolli ngħid li hemm ftit beraq jew sajjetti fir-relazzjoni ta’ dawn iż-żewġ esponenti tal-Partit. Forsi hemm xi nuqqas ta’ fiduċja, anke reċiproka, bejn dawn iż-żewġ irjus. Huwa ċar ħafna li n-narrattiva ta’ Jason Azzopardi ma hix tingħata dik l-importanza li kien ilu jgawdi minnha.

Jason Azzopardi dan l-aħħar kellu laqgħa fil-bini tal-parlament ma’ wieħed mill-ġenerali ta’ madwar Dr Grech. Huwa veru li Dr Azzopardi pprova jisforza jdejh ħalli n-news room tal-partit timxi fuq in-narrattiva tiegħu u allura tagħti aktar importanza lil dak li jgħid hu. Nistaqsi jekk din l-informazzjoni hix minnha? Huwa veru li din id-diskursata tqanqlet mhux ħażin? Huwa veru li, wara din l-laqgħa, meta daħal biex ikompli jsegwi d-diskussjoni parlamentari deher li kien tmasħan sewwa?

Kif diġa għidt jien għandi riserva żgħira. Għandi dubji kemm jista’ jkun ta’ ġid Dr Ellis fid-diskussjonijiet li jistgħu jkunu għaddejjin bħalissa fir-riformi elettorali. Ma jidhirlix li dan huwa avukat li qatt interessah il-proċess elettorali. Nispera li jien żbaljat. Min isegwi jaf li l-pajjiż għadu kif għamel taqliba kbira fl-għadd tal-voti. Tgħid dan il-proċess għandu bżonn xi tibdil? Nisperaw dejjem għall-aħjar.

Nafu wkoll li hemm suġġerimenti li tibda tintuża l-karta tal-identita’ minflok id-dokument tal-vot, apparti affarijiet oħra. Ma rridx nitfa’ xi dubju fuq Dr Ellis, imma jekk ikollu l-għajnuna meħtieġa nemmen li jista’ jiddiskuti u jiddibatti dan it-tibdil neċessarju.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *