Where your opinion counts

Is-Soċjetà Ċivili f’Malta

X’ġid qed jagħmlu dawn l-għaqda li spiċċaw issejħu lilhom innifisha s-soċjeta ċivili ġo pajjiżna? Jekk nieħdu dawk li jagħmlu ftit ħoss, imma jaħdmu ħafna, dawk qed jagħmlu ħafna ġid fil-kwiet tagħhom. Imma jekk nieħdu lil dawk li qed jagħmlu ħafna ħoss u hawn qed nirreferi għar-Repubblika, l-Occupy Justice u Manwel Delia, dawn qed jagħmlu ħafna ħsara. Għaliex qed ngħid hekk?

Ejja nieħdu dawn l-aħħar erba’ snin. Mela dawn li jagħmlu ħafna ħoss, żiedu l-popolarita’ tagħhom meta ħadu taħt il-kappa tagħhom u ppruvaw jiddettaw kif għandu jissolva il-qtil brutali ta’ ġurnalista. Dawn għamlu dak kollu possibbli biex iċaqalqu l-irwiefen kollha biex issir ġustizzja malajr. Dawn l-istess nies ppruvaw jieħdu post l-imħallef u l-ġurija u riedu jaslu huma għall-kundanna. Imma x’ġara minflok? Dawn kull ma għamlu telfu fl-indipendenza tal-każ, u bl-għajjat tagħhom ma ħallewx l-awtoritajiet pertinenti jagħmlu xogħolhom.

Dawn l-istess nies ilhom voċiferi fuq id-demokrazija f’pajjiżna. Biex tindaħal fil-proċess demokratiku ta’ pajjiż ma tridx biss tħares lejn l-attakki li jsiru fuq il-politiċi u l-partit fil-gvern imma trid tħares ukoll lejn il-politiċi u l-partiti li qegħdin fl-oppożizzjoni. X’għamlu dawn in-nies li jgħajtu ħafna?

Dawn kemm-il darba attakkaw il-gvern fuq diversi livelli. Imma dawn l-istess nies ħarbtu l-partit prinċipali fl-oppożizzjoni. Repubblika, Occupy Justice and Manwel Delia bl-għajnuna ta’ diversi politiċi għamlu u għadhom jagħmlu ħilithom biex jiddettaw l-aġenda tal-partit fl-oppożizzjoni. Ħarsu ftit minn għandhom magħhom biex jgħinuhom. Għandhom numru mdaqqas ta’ deputati tal-istess oppożizzjoni, kandidati tal-istess partit u ex-kandidati li fallew fil-ħajja politika.

Biss ħarsu sew u ssibu li ma hemmx politiku wieħed li juri simpatija lill-partit fil-gvern u dan il-fatt wieħed irid iżommu dejjem f’moħħu. Dawn il-politiċi ta’ partit wieħed li jieħdu sehem attiv f’din il-parti tas-soċjeta ċivili qed ikunu ta’ disserviz kbir lejn il-partit tagħhom stess jekk għadhom jemmnu fih.

Araw x’għamlu lil Dr Adrian Delia. L-attakk beda minn Daphne b’ħalfa solenni. Kif inqatlet, ħadu r-rigni f’idejhom u għamlu ħilithom biex ikomplu xogħolha u jkissru l-kap ta’ partit elett demokratikament. Dawn ġibdu lejhom iżjed politiċi minn l-istess partit u flimkien attakkaw bi ħġarhom. Imma tafu x’għamlu wkoll?

Dawn kissru s-sistema demokratika tal-pajjiż. Dawn nawwru l-oppożizzjoni u allura b’mod dirett u maħsub kissru l-istabilita’ tad-demokrazija li tiddikjara li pajjiż għandu bżonn oppożizzjoni b’saħħitha biex tkun l-għassiesa tal-gvern. Dawn min għalihom li qed ikunu ta’ ġid għall-pajjiż. Ftakru kemm attakkaw lil Dr Adrian Delia. Ftakru kemm ħadmu id f’id mal-kap ta’ qablu u deputati oħra biex għamlulu ostakoli ta’ kull tip. Ftakru kemm ħlew ħin tal-oppożizzjoni biex jiġġieldu lil kap tagħhom stess flok ħadmu miegħu.

Baqgħu għaddejjin sa kemm irnexxielhom. Imma taħsbu li waqfu? Ma tarax. Issa qed jieħdu pjaċir jirredikulaw lill-istess kap li huma stess għinu biex tellgħuh. Meta Manwel Delia jikteb u la r-Repubblika u lanqas l-Occupy Justice ma jiċħduh jew jitbiegħdu minnu, ikun ifisser biss li qed jaqblu miegħu u qed jaħdmu flimkien. Mela kif appena tela’ Dr Bernard Grech, Manwel qallu biex ikun ħsiebu hemm għax kif tellawh jerġgħu jniżżluh u jkunu huma li jsibu xi ħadd ieħor minn floku.

Wara dik it-twissija ma fallewx okkażżjoni biex jiġbdulu widnejh, jiddettawlu u jordnawlu x’jagħmel. B’mod apert u li jinftiehem qed juru li Dr Grech huwa pupazz f’idejhom u li jagħmlu bih li jridu. Mela r-Repubblika, l-Occupy Justice u Manwel Delia b’azzjonithom x’ġid qed jagħmlu lill-pajjiż? Kemm ikun aħjar għaċ-ċittadini Maltin u Għawdxin li kieku dawn il-ħafna pampaluni suppost tad-demokrazija jieqfu jiddettaw l-aġenda tagħhom, jikkalmaw mill-kattiverja u l-prożunzjoni li telgħatilhom għal rashom u jsibu posthom bħala soċjeta ċivili b’mod moderat, meqjuż, edukat u rilevanti biex forsi jibdew jagħmlu l-ġid, bħal oħrajn li jifformaw ukoll parti mis-soċjeta ċivili.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *