Where your opinion counts

Li kien kien u li sar sar.

Din il-frażi saret komuni u fuq ħalq persuna li suppost qiegħed jagħmel ħiltu biex jgħaqqad fazzjonijiet differenti biex jaslu għal armata waħda kontra l-veru avversarju politiku tal-Partit Nazzjonalista. ‘L hekk imsejjaħ għadu għaqqad lil membri kollha tiegħu taħt imperatur wieħed li għamel ħames snin jiġbor is-suldati kollha, minn kull kantuniera Maltija u Għawdxija u fforma forza waħda taħt moviment.

Għal kuntrarju fil-PN, il-fazzjonijet li kienu jeżistu wara l-ewwel tkaxkira esaġerata fl-2013 flok ingħaqdu komplew jarmaw il-gruppi tagħhom biex armata waħda ma tiġi ffurmata qatt. Meta jkollok nies b’rashom kbira mimlija suppervja, ardita u arroganza dak li jiġri. Meta jkollok nies li mingħalihom partit politiku ma jgħaddiex mingħajrhom dak li tieħu. Meta jkollok nies li jaħsbu jew jimmaġinaw li żmienhom għadu ġej flok għadda, jfisser ġlied u aktar qsim.

Fl-erba’ snin taħt Busuttil il-Partit Nazzjonalista ma tgħallem assolutament xejn anzi dan ir-raġel, magħruf iżjed fl-Ewropa, ħaseb li kien il-mibgħut speċjali biex jippurifika l-partit. Dan uriena r-riżultat tal-purifikazzjoni, għax bir-ras iebsa tiegħu, daħħal il-Partit ġo ħajt agħar minn ta’ qablu.

Wara daħal il-barrani u baqa’ barrani għax ma ġie aċċettat qatt. Anzi l-preżenza tiegħu fid-Dar Ċentrali ħolqot diviżjonijiet ħafna akbar għax l-elitisti antiki li jitqiesu parti mill-għamara tal-istess dar ma riedux jitilqu posthom jew ir-rigni minn idejhom. Rawh theddida u ħolqu attakki fuq kull livell immaġinabbli. Issa anke dan twarrab imma l-istorja trid b’xi mod tinkiteb u fejn ikun hemm bżonn norqmu dak li jinkiteb biex ma naħarbux mill-verita.

Ejjew niġu għal-lum. Qed tinkiteb ukoll parti storika tal-Partit Nazzjonalista. Naħseb li l-ewwel frażi miktuba f’din il-parti tal-istorja tal-Partit ser tkun ‘li kien kien u li sar sar’. Din hija frażi li l-imperatur kurrenti qed juża meta jiltaqa’ ma’ xi ħadd li jkun għadu mweġġa’ jew għadu f’sitwazzjoni li ma jistax jaċċetta dak li għadda minnu l-partit fl-aħħar xhur u snin. Kemm hi frażi akkoljenti! Kemm tagħmillek kuraġġ! Kemm tfejjaqlek il-ferita! Kemm tħossok isserraħ moħħok li għandek persuna li tipprova tikkonvinċik li issa telgħet ix-xemx fuq il-partit u dak li sar qabel ma fih importanza ta’ xejn.

Meta tisma’ dawn l-affarijiet tistaqsi lilek innifsek jekk kontx parti mir-‘rover’ li għadha kif niżlet fuq il-pjaneta Mars. Dawn huma affarijiet li ma jitwemmnux. Tismagħhom u tibqa’ b’ħalqek miftuħ. Mela issa l-Partit Nazzjonalista qed jgħidilna li l-istorja tal-partit kienet li kienet u ma nħarsux lura. Ejjew inħarsu l-quddiem u naċċettaw b’għajnejna magħluqa l-imperatur il-ġdid.

Ejjew ninsew dak it-tgħajjir kollu li ntqal. Ejjew ninsew l-azzjonijiet diviżivi kollha li saru. Ejjew ninsew kif kap ta’ partit ġie trattat minn grupp ta’ elitisti li kissru partit. Ejjew ninsew dak kollu li ġara fid-Dar Ċentrali. Ejjew ninsew kemm smajna priedki ħafna l-bogħod mill-verita’. Ejjew ma nagħtux każ dak kollu li għamlu l-elitisti. Ejjew ninsew dawk il-laqgħat imqanqla għax mimlijin tgħajjir tal-grupp parlamentari u tal-eżekuttiv li wassluna sas-siegħat biekrin ta’ filgħodu. Ejjew ninsew dawk il-voti kollha ta’ sfiduċja lejn kap elett b’maġġoranza ta’ voti tat-tesserati. Ejjew ninsew li partit demokratiku ġabuh partit dittatorjali mmexxi minn grupp ta’ nies diviżivi. Ejjew ninsew kemm xerrdu ħdura dawn in-nies. Ejjew ninsew kemm ibblukkjaw nies tal-istess partit minn fuq paġna tal-Facebook għax ma jkunux qed jaqblu magħhom. Ejjew ninsew li 30 fil-mija ta’ tesserati ma riedux li jiġri dak li ġara. Ejjew ninsew lil dawn in-nies u ngħidulhom li kien kien u li sar sar u ejjew magħna qisu qatt ma ġara xejn.

Jekk il-Partit ma għandu xejn, għandu zgur arroganza biex ibigħ. Għandu kap li għadu ma jafx x’laqtu, li qed jaħseb li hu l-messija politiku lajk f’dawn il-ġżejjer Maltin.

One thought on “Li kien kien u li sar sar.

  1. The shift news decided to dump Bernard Grech. They long for Simon Busuttil….or I trust a lookalike in terms of bitterness, ineptitude and incompetence.

    They needn’t look far….Manuel delia is there salivating waiting for the opportunity to whet the appetite of like minded bitter folk.

    Infortunately, the shift news which portrays itself as defender of free speech keeps censoring my comments. My “Running Commentary” more like it!!

    Hypocrites galore! Thanks Dr Mercieca for giving me the opportunity to voice my opinions here. Irrespective of whether you agree to them or not.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *