Where your opinion counts

David Casa u Mark Anthony Sammut: l-anqas jafu jistħu

Mela bħal issa għaddejja kampanja fil-media kontra Adrian Delia. Qed issir referenza għall-famużi WhatsApp messages ta’ Yorgen Fenech mingħajr ma jissemmew.  Mela skont il-ġurnali, Dr. Delia ħadem biex ma jitlgħax David Casa fil-Parlament Ewropew. Fuq dan ser nikteb separatament u ser nuri bil-provi li dan mhux minnu. Biss din il-kampanja fil-media qed issir biex jipprovaw ikissru l-immaġni ta’ Dr. Adrian Delia.

Iżda dan il-blog hu fuq argument ieħor. David Casa tella’ messaġġ fuq il-kawża li fetaħ Dr. Delia fuq l-isptarijiet u minħabba din il-kawża, kellu jitla’ jixhed Konrad Mizzi. Casa kkummenta fuq ix-xhieda li Konrad Mizzi ta’ fil-qorti. 

Nittama li kulħadd jaqbel li Dr. Delia qed jagħmel din il-kawża għall-ġid tal-Maltin u l-Għawdxin kollha. Biss dak li jrid jingħad huwa li Dr. Delia qed jagħmilha WAĦDU. Dan hu l-aktar punt importanti.

Fil-fatt Dr Grech, nhar il-Ħadd, fid-diskors tiegħu ġewwa Birkirkara, semma lil Dr Delia u awguralu suċċess fl-istess kawża li għadu għaddej biha. Ħafna jemmnu li fil-ħajja trid, kif jgħidu l-Ingliżi ‘give the devil his due’.

Għall-inqas Dr. Grech irrikonoxxa li Dr Delia qed jagħmel biċċa xogħol kbira għall-ġid tal-pajjiż kollu. Imma għal xi parlamentari jew kandidati li huma fl-istess partit tiegħu jidher li mhux qed jagħtu kasu. Hawn ma jidhirx li hu l-każ tal-kliem iqanqal u l-eżempju ma jkaxkarx.

David Casa

L-ewwel nixtieq nibda bid-deputat Ewropew David Casa. Dan jidher li hu wieħed li ma jimxix fuq l-eżempju tal-kap tiegħu. Għall-ġieħna, dan kien wieħed li ħadem biex jitla’ Dr. Bernard Grech. Dan li ġej mhux ‘fake news’. Dan li ġej huwa messaġġ li tella’ David Casa. Messaġġ li juri biċ-ċar kemm qed titkompla d-diviżjoni fil-Partit Nazzjonalista. Dan il-messaġġ jgħid hekk hekk: ‘

‘“Nagħżel li ma nweġibx.” Dik kienet ir-risposta li baqa’ jirrepeti fil-qorti Konrad Mizzi dwar il-bejgħ skandaluż tal-isptarijiet. Din hi t-tip ta’ politika li jħaddan il-Partit Laburista: l-ewwel igdeb, gerfex, ħawwad u israq lill-poplu Malti u Għawdxi, imbagħad staħba u tweġibx il-mistoqsijiet. Din mhix il-politika li jixraqlu l-poplu Malti u Għawdxi. Jixirqilna ferm u ferm aħjar minn hekk.’

Mela dan qed jitkellem fuq il-fatt li l-Partit Laburista fil-gvern ħawwad fuq l-isptarijiet, meta mbagħad lanqas qatt bill subajh fl-ilma mbierek f’dan il-każ. Kull ma qed jagħmel hu jieħu vantaġġ politiku mix-xogħol li qed jagħmel Adrian Deli. Fl-istess waqt, ċertu gazzetti ħbieb tiegħu għaddejjin b’kampanja ta’ l-assassinju tal-karattru tal-istess Dr. Delia.

Nistaqsi lil David Casa. X’għamilt inti meta Dr Delia staqsa min ser jingħaqad miegħu biex jiftaħ il-kawża? Inħeba wara xi pultruna tal-parlament Ewropew u qagħad hemm. Dan kien jiġi Malta mhux biex jiffirma għall-kawża imma biex jiftaħ ħanxra u jgħajjat ‘barra barra’ waqt il-laqgħat twal tal-grupp parlamentari. Tant kien jgħajjat fir-raba’ sular li kien jinstema’ mit-triq.

Fuq kollox ma nafx kemm issib ħin biex tikteb. Nistaqsik jekk dan kitibulekx Nicky Azzopardi? Biss niddubita. Il-Malti hu tajjeb wisq biex ikun miktub minn Azzopardi sakemm ma rahulux xi ħadd minn ta’ Repubblika jew Occupy Justice biex jgħinuh jiktbu b’Malti korrett.

Weġgħathom qalbhom għall-isptarijet! Biss imbagħad l-anqas kellhom id-diċenza li jiktbu li dak li qed iseħħ fil-qorti, qed iseħħ grazzi għal Dr Delia. Ma tarax li mhux ser iniżżlu l-isem ta’ Dr. Delia. X’mistħija ta’ nies! X’ma tinħoloqx id-diviżżjoni!

Mark Anthony Sammut

Tfaċċa wkoll l-ex-President tal-Eżekuttiv. Hawn qed nirreferi għal Mark Anthony Sammu. Dan ukoll ma felaħx jagħti id-dehen li min ħaqqu. Araw x’kiteb:

“Nagħżel li ma nweġibx” – l-unika risposta li kapaċi jagħti Konrad Mizzi dwar il-bejgħ tal-isptarijiet. Il-proġett li qalulna kien ta’ benefiċċju għall-kura tas-saħħa tagħna. Jagħżlu li ma jweġbux illum għax għażlu li jisirquna dakinhar. U għadhom jisirquna sal-lum. Imma ż-żmien li ssir ġustizzja jasal.”

Barra li l-istill hu bħal dak ta’ David Casa, dan illum irid jieħu mertu milli qed jiġri fil-qorti. Infakkar li dan kien darba kkonsidra li jitfa’ ismu għal Kap, kontra Delia, meta xi ħadd qallu, mhux aħjar titgħallem timxi qabel titlaq tiġri. Dan kien l-istess persuna li wara l-elezzjoni tal-MEPs u Kunsilli Lokali, irreżenja minn President tal-Eżekuttiv biex mingħalih jirreżenja kulħadd inkluż Dr Delia. Daqshekk taħdem l-istrateġija tiegħu għax spiċċa rreżenja hu biss.

Dan kien ukoll għaffeġ waħda kbira fl-elezzjoni fl-eżekuttiv biex jitla’ membru parlamentari ieħor flok l-Għawdxi David Stellini.

Issa ġratlu oħra għax lanqas kien kapaċi jirbaħ post fl-eżekuttiv bħala kunsillier fir-raba’ distrett li jinkludi lil Paola, Tarxien, Sta. Lucia, Gudja, Fgura. Dan tilef kontra Mr Mark Lombardo. Lanqas kien kapaċi jikkonvinċi ftit nies għax tilef 5-4.

X’ma jdabbarx rasu lejn Tas-Sliema. X’ma jiġix jiġri fl-għaxar distrett biex jipprova jirbaħ ftit voti mid-Daphnisti għax kemm-il darba ppontifika minn fuq il-pulptu fil-laqgħat ta’ Daphne (RIP).

Imbagħad dawn huma parti mill-group Repubblika u Occupy Justice li bħal issa għaddejjin b’kampanja kontra Dr. Adrian Delia mal-media ħabiba tagħhom biex jiddiskreditawh politikament. Il-fatt jibqa li Adrian Delia kien il-bniedem WAĦDU li beda din il-kawża tal-isptarijiet. L-anqas jafu jistħu.

Ħalluna tridux!

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *