Where your opinion counts

Ir-ritorn ta’ Dr. Ann Fenech

F’dawn il-jiem fid-Dar Ċentrali kien hemm ir-ritorn ta’ Dr. Ann Fenech. Dr. Fenech kienet waqfet l-attivita’ tagħha fil-Partit Nazzjonalista wara li kien tela’ Adrian Delia mexxej ta’ dan il-partit. Illum Dr. Fenech reġgħet ġiet lura. Il-fatt li Dr. Fenech daħlet lura hija aħbar tajba. U naħseb li tant kemm intlaqgħet tajjeb li saħansitra beda mill-ewwel l-għejdut fil-kuruturi tad-Dar Ċentrali li Dr. Ann Fenech ser tkun il-kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista fil-futur qarib.

Ma hemmx dubju li, biex Dr Fenech setgħet tiġi lura, kellha tagħmel sagrifiċji personali. Kellha twarrab minn pożizzjonijiet fl-uffiċċju legali tagħha u  tnaqqas ix-xogħol legali tagħha. Infakkar li din l-avukat għamlet l-erba’ snin ta’ tmexxija ta’ Dr Busuttil dejjem taħdem fid-Dar Ċentrali. Kienet il-lealta’ u l-istima tagħha lejn Simon Busuttil li żammitha milli toħroġ għall-kap tal-Partit Nazzjonalista fl-2013. Minflok kienet saret il-President tal-Kumitat Eżekuttiv. Kienet il-persuna li ħadmet fuq il-programm taċ-ċedoli. Kienet il-persuna li ħadmet ħafna fuq il-finanzi tal-partit. Kienet il-persuna li għenet kemm felħet lil Dr Busuttil. Wara, għalkemm, qalet li hi tafu lil Dr Delia, iddeċidiet li twarrab b’mod diskret biss ma tidhirx li għamlet ħidma biex tfixkel lil Delia f’xogħlu.  

Mela Dr Fenech taħt it-tmexxija ta’ Dr Delia ma baqgħetx politikament attiva. Imma baqgħet attiva’ fil-kommemorazzjoni jew protesti organiżżati f’isem Daphne Caruana Galizia. Il-mistoqsija li trid issir għalfejn daħlet issa? Il-mistoqsija oħra li trid issir hija jekk il-wassla tagħha ġietx minħabba deċizzjonijiet ħżiena li ttieħdu wara li tela’ Dr. Grech? Dawn id-deċiżjoni ta’ Grech qed ikollhom effetti ħażina fuq il-finanzi tal-Partit? Dr Fenech daħlet lura biex tara kif tista’ ssalva lill-partit minn xi rovina finanzjarja? Jekk din hija r-raġuni, allura saret xi ħaġa tajba fl-istrateġija tal-Partit Nazzjonalista.

J’Alla l-wasla ta’ Dr. Ann Fenech tgħin lill-Partit Nazzjonalista biex inaqqas it-telfa li dan il-Partit hu mistenni li jġarrab. Jekk jirnexxilha trebbħu ikun verament sar miraklu. Nemmen li Dr. Fenech tgħallmet mill-iżballji li saru matul il-kampanja elettorali ta’ 2017. Infakkar li Daphne kienet waħda mir-raġunijiet tat-telfa tal-2013. Din ir-raġuni ġiet injorata. Ann Fenech kienet fil-kampanja tal-2017. Għax din ir-raġuni kienet injorata, kien hemm telfa akbar fl-2017. Issa jekk il-Partit Nazzjonalista jrid jibqa’ fuq din ir-rotta, għandu jistenna telfa oħra meta Robert Abela jsaffar is-suffara. Min-naħa tiegħi, jien nawguralha bil-qalb kull suċċess biex toħroġ lill-Partit Nazzjonalista minn din il-ħolma kerha li daħal fiha, ħolma li donna ma tispiċċa qatt.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *