Where your opinion counts

Blogpost: Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista jhedded lill-partitarji tiegħu stess.

Meta kien hemm Dr Adrian Delia Kap u Francis Zammit Dimech kien Segretarju Ġenerali qatt ma ħarqitu qalbu biex jiddefendi lil Dr Delia u jikkomunika ma’ dawk li kienu qed jattakkaw lil Dr Delia u jgħaddu kummenti spreġġjattivi fuqu. Dawn kienu nies fil-kumitati seżżjonali tal-Partit, kunsilliera u oħrajn li kulħadd kien jaf li kienu membri attivi fil-Partit. Imma għal Francis Zammit Dimech dak inhar seta’ jsir, basta kontra Dr Delia.

Illum l-istorja inqalbet. Illum qed ituh fastidju kummenti li jistgħu jittellew li jikkritikaw lilu jew aktar u aktar lil Dr Grech. Mela dan ir-raġel għandu problema kbira ta’ ‘two weights two measures’. Tgħid għax inbidel il-Kap żvilluppatlu problema kbira ta’ sensitivita’? Tgħid l-imħabba lejn is-superjur tiegħu f’daqqa waħda tant kibret li laħqet livell ta’ infatwazzjoni? Din l-imħabba tant saret intima u profonda li waslet lil dan l-avukat fi stat ta’ paniku? Jew forsi qed jagħmel ħiltu biex jintogħġob ħalli ma jittajjarx minn segretarju u jitlef il-bagatella li qed jieħu kull xahar? Jew kif jgħidu l-Ingliżi, ‘he has become very touchy’.

Mid-dehra dan l-avukat għandu l-ħin biex joqgħod jara mhux biss il-feature li tkun tellgħet xi media house, imma anki l-kummenti kollha li jkunu qed isiru. Jista’ jkun li tant qed jidħlu nies jaħdmu d-Dar Ċentrali li spiċċa ma għandux x’jagħmel allura joqgħod jaqra ż-żekżik tan-nies? Mela mportanti li l-ewwel ħaġa nagħmel suġġeriment lit-tesserati, attivisti jew membri ta’ xi kumitat u oħrajn – oqgħodu attenti għax is-Segretarju Ġenerali qiegħed għassa tagħkom. Il-Partit Nazzjonalista sar għandu ‘l-intelligence forces’ tiegħu li qed jiflu s-social media b’ċertu konsistenza, persistenza u insistenza. Fiha x-xogħol ħbieb, imma la mid-dehra, għandu l-ħin x’jaħli jista’ jagħmilha.

Imma dak li hu sewwa rridu ngħidu li hu sewwa. Dr Francis Zammit Dimech jibqa’ jaħdem tard bil-lejl u qagħad jara l-kummenti li kien hemm wara x-xandira tal-intervista li Dr Grech kellu l-Ħadd filgħodu li ttellgħet minn Media House partikulari. Jiena mhux ser nidħol fil-mertu tal-kumment. Tista’ taqbel miegħu u tista’ ma taqbilx. Imma dan il-kumment inkiteb wara nofs-in-nhar skond il-ħin indikat fuq il-Facebook. Dr Zammit Dimech ħass li kellu jikkuntattja lil dan persun. Ikkuntattjaha bit-telefon fl-10.30 ta’ bil-lejl u ordnalu biex tħassar il-kumment immedjatament. Qallu wkoll li jekk ma jħassrux, kellu jirreżenja mil-kumitat sezzjonali tal-partit.  Francis Zammit Dimech wissieh ukoll li jekk jibqa’ jopponi din l-ordni tiegħu u ma jħassrux u ma jirreżenjax, allura kien ser jitkeċċa mil-partit.

Issa ħa nifthemu dan mhux l-ewwel każ li smajt bih. Milli smajt is-segretarju qed jibgħat għal xi nies li jikkummentaw fuq Facebook. Dawn ikunu nies li jiktbu li ma jaqblux ma xi ħaġa fil-Partit, jikkritikaw lil-partit jew it-tmexxija tiegħu, jew jgħaddu xi kummenti li forsi jkunu xi ftit qawwijin fil-kliem tagħhom. Imma l-kritika mhux dejjem saret u ġieli kienet kritika goffa u personali? Aħna niftaħru li għandna partit miftuħ u dik hija ir-raġuni li dejjem insemmu l-mosaic ta’ ideat. Mela lil Kap ta’ qabel x’ma għidnilux imma l-amministrazzjoni ta’ dak inhar baqgħet soda u ma ntimidat u heddet lil ħadd imma issa f’daqqa waħda m’aħniex naċċettaw kritika. Mela ġralna bħal ġuġu, irtabna, sirna softy, sirna nieħdu għalina minn ftit kritika, sirna nemozzjonaw irwieħna malajr, sirna sensittiva u delikati ħafna? Dr Zammit Dimech xi ġralek propjament? Sibt xi forza li qabel kienet mitlufa? Taf li diġa tbegħdu ħafna nies mill-Partit minħabba li għaddejna minnu ftit tax-xhur ilu? Taf li hawn għajdut kbir li tant għad fadal nies imweġġgħin li mhux beħsibhom jivvutaw fl-elezzjoni ġenerali li ġejja? Taf li aktar ma tagħmlu buzullotti u kummiedji aktar jitqarrsu nies u aktar jitbiegħdu?

Imma l-amministrazzjoni l-ġdida ma tirrifletti fuq xejn jew ħsibha biss biex tagħti xogħol lil-ħbieb u lil-ħbieb tal-ħbieb? Dr Zammit Dimech intom tafu li m’inthomx allat? Intom tafu li tistgħu tiżbaljaw? Intom tafu li qed tgħidu ħafna affarijiet li qed jurtaw lil-partitarji Nazzjonalisti? Tafu li diġa wasal iż-żmien li titolbu skuża għaċ-ċuċati l-amministrtazzjoni l-ġdida għamlet u għadha qed tagħmel? Issa ser tużaw mingħalikom id-dixxiplina? U din fejn tista’ twassal? Din tista’ twassal f’xi tkeċċija? U kemm ser tibqgħu tkeċċu? Taf sur-segretarju li jekk tkeċċi wieħed tkun trid tkeċċi numru kbir ieħor miegħu? Taf li b’din l-attitudni l-unika ħaġa li tkun qed tagħmel tkun li tkompli tiżvina lil-partit? Taħseb li l-Partit qiegħed fi stat li jitlef aktar votanti? Jew taħseb li meta tasal l-elezzjoni dawn il-votanti Nazzjonalisti ser jinsew u jagħtukom il-vot?

Jekk qed taħseb hekk aħjar toqgħod attent u tistaqsi lilek innifsek jekk hux qed tgħix fi pjaneta oħra jew fil-qamar? Il-partitarji għandhom kull dritt li ma jaqblux ma kull ma għidt int jew ta’ fuqek. Għandhom kull dritt li jikkritikaw. Għandhom kull dritt li jesprimu l-opinjoni tagħhom. M’għandhomx jiġu ntimidati jew mhedda. M’għandhomx jirċievu telefonati fis-siegħat tard filgħaxija u m’għandhomx jiġu f’pożizzjoni li ma jistgħux jiktbu dak li jħossu.

Dr Francis Zammit Dimech ser nispiċċa b’messaġġ bl-Ingliż għalik, għall-kollegi tiegħek fid-Dar Ċentrali u għall-amminstrazzjoni kollha u fuq kollox għal ta’ fuqek. “If any of you cannot take the heat, that particular person or all of you, get out of the bloody kitchen”.

Nispera li kont ċar biżżejjed.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *