Manuel Delia u l-Avukat tar-Repubblika Galea Farrugia: x’hemm x’jgħaqqadhom?

Għal darba oħra, Manuel Delia tal-Arriva onorani b’artiklu tiegħu fuqi. Dan ippubblikah il-Ġimgħa, 27 ta’ Novembru 2020. Fih ħareġ jiddefendi lid-Deputat Avukat tar-Repubblika Philip Galea Farrugia. Infakkar li skont il-Malta Today, fl-aħħar seduta tal-kumpilazzjoni, Galea Farrugia kien f’ ”deep conversation” ma’ Jason Azzopardi. Jason Azzopardi huwa l-avukat tal-Occupy Justice, tar-Repubblika u l-avukat ta’ Manuel Delia.

Manuel Delia huwa rrabjat għaliex jien, bil-provi għidtlu li meta ħarġet l-istorja ta’ Darren Debono u ir-rabtiet mal-Mafja u l-kuntrabandu taż-żejt, Manuel Delia mar jikteb fuq Facebook biex jgħid li dan il-kuntrabandu ma’ kellu xejn x’jaqsam ml-mottiv tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Anzi qal li l-kawża tal-qtil hija marbuta mal-Azerbaijan. Dak li Manuel Delia ma qalx fl-artiklu tiegħu li Darren Debono huwa ħabib intimu tal-MEP David Casa u dan David Casa kien daħħlu bħala person of trust fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin.

Biss dak li l-aktar interessani fl-artiklu li kiteb Manuel Delia hu l-interess tiegħu li jiddefendi lil Galea Farrugia. Milli jidher, dawn tar-Rule of law  u tar-Repubblika ma jridux li r-rakkummandazzjoni tal-Kummissjoni ta’ Venezja tkun attwata. Il-kummissjoni ta’ Venezja talbet biex l-uffiċju tal-prosekuzzjoni tal-Avukata Ġenerali jinqasam fit-tnejn. Fi kliem ieħor l-avukat li jagħmel ir-rinviji ma’ jkunx ukoll l-avukat li jassisti lill-prosekuzzjoni. Dan qed iwassal għall-konflitt ċar ta’ interess. Jekk jiġri hekk, Galea Farrugia ma jibqax jagħmilha tal-avukat tal-pulizija u tal-parti ċivili u wkoll l-avukat li jiddeċiedi minn jittella’ bħala xhieda jew le f’każ kriminali. Huwa ċar, li Manuel Delia huwa kontra din il-qasma. Ma hemmx dubji li Delia huwa kontra din il-qasma għaliex din mhix fl-interess ta’ Jason Azzopardi.

Nixtieq infakkar li meta David Lindsay tal-Malta Independent kiteb artiklu fuq dawk it-tlieta arrestati minħabba li huma mitqiesa bħala l-esekuturi tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, jiġifieri l-aħwa Degiorgio u Vince Muscat il-Koħħu, id-Deputat l-Avukat tar-Repubblika Philip Galea Farrugia mar fuq Facebook Page tiegħu u kiteb kumment iebes kontra David Lindsay. It-ton tal-kumment ta’ Galea Farrugia kien wieħed intimidatorju, kważi ta’ theddieda. Immedjatament wara, Lovin Malta kitbet artiklu dwar dan il-fatt. Qed inġib il-kummenti li għamel Philip Galea Farrugia kontra David Lindsay hawn isfel ħalli kulħadd jagħmel il-ġudizzju tiegħu. Dan ħadtu mill-artiklu li kiteb il-ġurnalista tal-Lovin Malta. Il-punt huwa dan. Meta David Lindsay kiteb dan l-artiklu fuq dan id-delitt, Galea Farrugia mar fuq il-Facebook page privata tiegħu u qal lil dan il-ġurnalista biex ma jindaħalx fl-investigazzjoni tal-pulizija. Ġa għandi ir-riservi kemm dan hu korrett. Hu etiku u korrett li d-Deputat Avukat Ġenerali u l-persuna li qed tmexxi l-prosekuzzjoni ta’ qtil daqshekk sensittiv tikteb kumment bħal dan fuq il-Facebook Page privata tiegħu dwar affarijiet tan-natura tax-xogħol tagħha? Stqarrija bħal din kellha toħroġ minn sorsi uffiċjali. Għalija dan hu abbuż ċar ta’ poter. Kif ktibt, Galea Farrugia kiser ir-regolamenti tas-servizz pubbliku kull meta wża il-Facebook Page privata tiegħu biex jikteb u jibgħat messaġġi relatati max-xogħol tiegħu. Fuq kollox, Galea Farrugia qatt ma ħa din l-attitudni fir-rigward kontra Manuel Delia kull meta dan kiteb fuq il-kumpilazzjoni li għaddejja ta’ Yorgen Fenech. Qatt ma mar u qal lil Manuel Delia li l-artiklu fuq imsemmi fejn qalilna li mhux veru li Daphne nqatlet mill-Mafja huwa “crappy and highly irresponsible”.

Kemm infakkar li l-avukat ta’ Manuel Delia huwa Jason .Azzopardi. Illum Jason Azzopardi u Philip Galea Farrugia huma biċċa waħda.

One comment

Leave a Reply