Tesserati b’Ittra kontra Jason Azzopardi

Il-Board tal-Etika u Dixxiplina rċieva ittra ffirmata minn numru ta’ tesserati kontra Jason Azzopardi.  Din l-ittra nbagħatet lil kull membru tal-Board individwalment. Wieħed biss mill-ħames membri qal waqt il-laqgħa li ma kienx irċeviha. Wisq probabli din l-ittra wasslitlu wara din il-laqgħa. Biss iċ-Chairman tal-Board irċeviha żgur.

Il-Board tal-Etika u Dixxiplina hu magħmul minn Dr. Roberta Bonello, Dr. Jean Karl Soler, Dr. Michael Laferla, Dr. Arthur Galea Salamone. Iċ-chairman huwa l-Professur Joe Pirotta. Iżda fid-diskussjoni dwar Jason Azzopardi, Dr. Jean Karl Soler ġie mitlub biex jirrikuża ruħu minn David Thake għaliex dan kiteb artikli kontra Occupy Justice u r-Repubblika.

Nista’ niżvela li din l-ittra li rċevew individwalment il-Board tal-Etika u Dixxiplina nżammet moħbija tant li l-anqas issemmgħiet fil-laqgħa tal-esekuttiv li saret ftit jiem ilu. Minn informazzjoni li għandi, dan il-board tal-Etika u Dixxiplina ltaqa’ numru ta’ drabi matul il-ġimgħa l-oħra.

Naf żgur li l-membri ma kienux kollha qed jaqblu x’għandha tkun id-deċiżjoni li għandha tingħata lil Jason Azzopardi. Numru ta’ membri riedu li Jason Azzopardi kellu jiġi sospiż. Oħrajn kienu favur ċanfira. Fi kliem ieħor ma kienx hemm qbil unanimita wara din d-deċiżjoni.

Minn sorsi infurmati nista’ ngħid li kienet il-magna tal-Partit Nazzjonalista li mbuttat biex Jason Azzopardi jingħata ċanfira. B’hekk quddiem dan in-nuqqas ta’ qbil, il-Partit Nazzjonalista ħareġ stqarrija malajr malajr u qal li l-Board iddeċida li jagħti biss  ċanfira.

Minħabba dan il-ħruġ ta’ informazzjoni dwar x’ġara f’dawn il-laqgħat tal-Board tal-Etika u Dixxiplina, Bernard Grech bagħat anki għall-membri tal-Board tal-Etika u d-Dixxiplina personalment biex jinvestiga dawn il-leakages. Dawn iltaqgħu ftit jiem ilu wara nofs-in-nhar. Inżid li bagħat għalihom b’urġenza. Dan minħabba l-leakages li kien hemm fil-website tiegħi u fi Pjazza.

Fuq kollox fil-laqgħa tal-esekuttiv, Bernard Grech qal li jrid investigazzjoni fuq dawn il-leakages. Issa nispera li ma jkunx hemm xi spokesperson tal-Partit Nazzjonalisa u jerġa; jmur għand il-gazzetti u jgħid li dak li qed ngħid mhux minnu għaliex ikompli jitlef il-kredibilita’ tiegħu l-Partit Nazzjonalista.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *