Il-Liġijiet Insensati Marbuta mal-Covid19

Matul il-programm tiegħi tal-Erbgħa, 11 ta’ Novembru, fuq Xejk TV, fit-8.30 pm, ċempel persuna fejn ir-rakkonta storja ta’ bidwi li kien qiegħed jagħżaq fl-għalqa. Waqt li kien fuq xogħol ġo nofs l-għalqa tiegħu rah warden u tah ċittazzjoni għax kien qed jaħdem l-għalqa bla maskra. Jekk din l-istorja hix minnha jew le ma nafx. Min irid jisma din l-istorja u aktar dwar l-maskri u l-użu nsensat tagħhom inħeġġu li jara r-repeat ta’ dan il-programm li ser issir il-Ħadd li ġej fit-8.30 pm fuq Xejk TV.

Biss din l-istorja turi kemm dawn ir-reġolamenti ma humiex ibbażati fuq ix-xjenza. Mela jekk persuna tmur tiġri tista’ toqgħod bla maskra iżda jekk persuna qegħda ġo nofs għalqa, taħdem waħidha mingħajr ħadd ħdejha trid tilbes il-maskra. Jekk persuna tmur timxi fil-kampanja u tkun waħidha ma tistax tieħu arja tajba għax obbligata tilbes il-maskra. Iżda jekk persuna trid toħroġ barra biex tpejjep sagarret, hemm hekk tista’ tneħħi l-maskla u tniġġeż l-arja. Jekk persuna qegħda ħdejn il-baħar waħidha, trid tilbes maskla imma jekk qedha fuq medja ġewwa restaurant tista toqgħod fi group bla maskra. Imbagħad il-kaċċaturi jistgħu jmorru jimxi fil-kampanja għall-kaċċa bla maskra.  

Imbagħad li ma qallux l-awtoritajiet li meta persuna tiġri, jew għamel eżerċizju intensiv, aktar għandha ċ-ċans, għall-inqas minn studji li saru li xxerred il-virus milli min persuna li timxi jew qedgħa wieqfa. Infatti meta tiġri, id-distanzi ssuġġeriti jridu jkun aktar miż-żewġ metri imposti fuq dawk li qegħdin weqfin. Dak li ma qalux l-awtoritajiet li l-ministru tas-saħħa jmur il-gym u ma għandix dubju li hu ma jridx joqgħod jagħmel eżerċizji bil-maskra imma mbagħad irid lil dawk li jmorru jimxu fil-kampanja jew għall-arja tajba, anki jekk weħidhom, jilbsu l-maskra! 

Imbagħad il-ħwienet tax-xorb jew barijiet mhux qed jitħallew ibiegħu l-alkaħol, anki jekk dan l-alkoħol mhux ser ikun ikkunsmat fuq il-post. Jiġifieri wieħed jista’ jmur jixtri l-alkaħol minn supermarket u jieħdu d-dar miegħu imma ma jistgħax jagħmel l-istess minn bar. Din hija diskriminazzjoni ċara.

Anki fuq id-distanzi, l-affarijiet ma jagħmlux sens. Mela fil-klassijiet tal-iskola, id-distanzi huma ta’ żewġ metri. Fil-verita’, iż-żewġ metri huma biss fil-ġnub, bejn mejda u oħra. Imma din id-distanza ta’ żewġ metri ma tinżammx minn quddiem għal wara tal-mejda. Imbagħad, waqt il-brejk, it-tfal jispiċċaw joqgħodu ħdejn xulxin basta qegħdin fil-kaxxa (magħrufa bħala designated area) tal-istess klassi, jiġifieri jibqgħu fl-istess bubble. Biss il-bubble tinkiser meta t-tfal jitilgħu fuq il-private jew il-minibus biex teħodhom id-dar.

Dawn huma ftit mill-ħafna regolamenti diskutibbli li għaddew l-awtoritajiet tas-saħħa u fuq xi wħud minnhom qed tkun imposta wkoll multa. Issa nafu li dawn il-multi huma potenzjalment nulli għaliex l-Gvern ma ddikkjarax stat ta’ emergenza. B’hekk is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika ma għandhiex il-poteri skont il-liġi biex jgħaddi dawn ir-regolamenti u timponi dawn il-multi. Imn’alla jkun hemm avukat, bħal Dr. Rudolfo Ragonesi, li jsib il-kuraġġ, mingħajr interessi finanzjari ta’ xejn, biex jisfida dan it-taħwid kollu fil-qrati tagħna. Issa jiddependi kemm l-imħallef ikollu kuraġġ jeħodha kontra l-awtoritajiet.

Id-daħqa hawn hija li l-Oppożizzjoni minflok tikkritika lill-Ministru tas-Saħħa għal dawn il-miżuri u oħrajn li xi uħud minnhom mhux qed jagħmlu sens, spiċċat tgħajjar lill-Gvern li mhux qed jagħmel biż-żejjed f’dan il-qasam. B’hekk l-Oppożizzjoni trid lill-Gvern jgħaddi aktar miżuri insensati bħal dawn!

Leave a Reply