Il-Prosekuzzjoni Taddotta Tattiċi ta’ Bullying fil-Kompilazzjoni ta’ Yorgen Fenech

Il-bieraħ reġa kien hemm il-kompilazzjoni ta’ Yorgen Fenech. F’dan il-każ ftit sar progress. Anzi kompla jintwera li meta il-prosekuzzjoni jew il-familja Caruana Galizia titlob xi ħaġa, il-qorti tilqa’ t-talba tagħhom. Meta ssir xi talba mid-difiża, din tkun ħafna drabi miċħuda. Il-qrati saru fewdu ta’ din il-familja!

Iżda dak li ddomina l-bieraħ kienu l-battibekki bejn id-difiża u l-prosekuzzjoni. Dan kompla joħroġ id-diffikultajiet li qed taffaċċja l-prosekuzzjoni f’dan il-każ.  Għan-naħa tal-prosekuzzjoni llum deher l-ispettur Arnaud u l-avukat tal-parti ċivili, Jason Azzopardi. Biss issa kellhom bżonn ftit tal-għajnuna għaliex ġie Dr. Philip Galea Farrugia li hu l-avukat li jaħdem fl-uffiċju tal-Avukat Ġenerali.

F’din is-seduta dehret l-intimita bejn l-ispettur Arnaud u Jason Azzopardi. L-avukat Mercieca reġa’ għamel akkuża ta’ frame-up fil-konfront tal-prosekuzzjoni. Tkellem fuq tbabis ta’ evidenza. L-avukat tal-Repubblika Dr. Philip Galea Farrugia ipprova jagħmilha tal-bully u hedded lil Dr. Mercieca li jekk kien ser jibqa’ sejjer hekk, l-uffiċju tal-avukat ġenerali kien ser jieħu passi kontra tiegħu. Dak li ma ppubblikax il-media kien il-fatt li l-avukat Dr. Mercieca sfidah biex jieħu passi kontrieh! Galea Farrugia daqq ir-ritirata.

Imbagħad ġejna għall-evidenza mir-reġistratur u ħareġ li d-data kienet ħażina. Suppost kellha tkun 3 ta’ Novembru u spiċċat miktuba 2 ta’ Novembru. Ma’ dan wieħed irid iżid li l-anqas kellha l-ħin. Biss l-agħar ma hux hawn. Ħareġ li dan id-dokument kien iffirmat iżda meta saret il-mistoqsija ta’ min hija l-firma, x-xhud qal li ma kienx jaf jirrispondi. Irrispettivament jekk il-każ hux ta’ Yorgen Fenech jew ta’ Ċensu l-poplu, għalija ma hux aċċettabbli li jkun hemm firem fuq dokumenti tal-qrati u l-persuna li tiffirma d-dokument ma turix min hi. Dan jagħti lok għall-abbuż.

Fuq kollox matul din is-seduta kompla joħroġ il-fatt li l-prosekuzzjoni trid iżomm lil Yorgen Fenech il-ħabs mingħajr ma trid tagħtih iċ-ċans li jġib il-provi tiegħu. Issa ħiereġ sew li hemm akkaniment qawwi min-naħa tal-prosekuzzjoni kontra Yorgen Fenech li ma hux normali fi proċeduri kriminali.

Leave a Reply