Il-Kawża Kriminali kontra Jonathan Ferris tirredikola kull Prinċipju tar-Rule of Law

Il-bieraħ beda l-każ tas-smigħ tal-każ ta’ Jonathan Ferris. Naħseb li l-aktar punt importanti f’dan is-smiegħ huwa l-avukat ta’ Jonathan ferris. Għal darba oħra, dan hu Jason Azzopardi, l-istess persuna li suppost Jonathan Ferris kien investiga wara li l-Lands Department għamel rapport lill-pulizija dwar serq, korruzzjoni, misappropriazzjoni u trading in influence.

Iżda din l-istorja ma tieqafx hawn. Fl-istess jum li tressaq Jonathan Ferris, kien hemm il-kumpilazzjoni ta’ Yorgen Fenech. F’din il-kumpilazzjoni ħareġ ċar l-intimita li teżisti bejn l-ispettur Arnaud, Jason Azzopardi u anki l-avukat tar-Repubblika Philip Galea Farrugia. Anzi fil-każ ta’ Yorgen Fenech, il-kumpilazzjoni tiegħu qed turi akkaniment min-naħa tal-prosekuzzjoni li mhux normali f’dan it-tip ta’ kawzi.

Wieħed irid jiftakar li l-avukat tal-Repubblika, Philip Galea Farrugia, għandu obbligazzjoni lejn Jason Azzopardi. Galea Farrugia kien applika biex isir l-avukat tar-Repubblika imma ma kienx intgħażel. Minfloku, kienet intgħażlet Vittoria Buttigieg. Din kienet il-vera raġuni għala l-PN u Jason Azzopardi kienu ħarġu qatta’ bla ħabel kontra l-għażla ta’ Vittoria Buttigieg għaliex Jason Azzopardi ried lil sieħbu

Mela issa għandna sitwazzjoni fejn wieħed mill-avukati tad-difiza ta’ Jonathan Ferris huwa l-istess avukat li qiegħed ingarżat bil-kbir mal-pulizija u mal-avukat tal-prosekuzzjoni Galea Farrugia kontra Yorgen Fenech. Hawn jiena nistaqsi jekk dan hux l-aqwa mudell tar-rule of law? L-avukati tal-istat ta’ żmien l-Ordni ta’ San Ġwann kienu jissejħu udituri. Dawn l-udituri kienu jkunu fuq in-naħa tad-difiża u fuq in-naħa tal-prosekuzzjoni l-istess waqt! Ara dawk li jgħajtu bir-rule of law, ma jitkellmu xejn fuq din il-kawlata li ħloqna fis-sistema tagħna. Dan hu konflitt ċar ta’ interess. Mela għandna sitwazzjoni fejn avukat, f’dan il-każ Jason Azzopardi, qiegħed daqqa daqqa fuq in-naħa tal-prosekuzzjoni u daqqa fuq in-naħa l-oħra fi proċessi kriminali huma intrinsikament relatati. Dan żgur mhux mod tajjeb ta’ kif tamministra l-ġustizzja  u jmur kontra kull prinċipju tal-ġustizzja naturali u rule of law.  Għiduli fejn fl-Ewropa hemm din is-sistema fejn il-prosekuzzjoni u l-avukati tal-vittma jispiċċaw biċċa waħda u mbagħad wieħed mill-avukati jew l-uffiċju tiegħu ser jidhru fuq każ ieħor jaħraq fuq in-naħa l-oħra. Tiftakru meta Dr. Charles Mercieca telaq mill-uffiċju tal-avukat ġenerali – kemm dawn il-paladin tar-rule of law għajtu u werżqu. Issa fommhom mitbuq.    Dan hu wieħed mill-agħar mudelli ta’ kif titħaddem il-ġustizzja f’Malta. Dan qed iġib għar-redikolu kull prinċipju tar-rule of law. Kull ma għandkom tagħmlu issa segwu kif il-prosekuzzjoni ser tittratta lil Jonathan Ferris u lil Maria Efimova fil-każ kriminali tagħhom fil-qorti u qabbluh mal-mod ta’ kif qed taħdem il-prosekuzzjoni u l-pulizija kontra Yorgen Fenech u jkollkom tweġiba ta’ dak li qed ngħid.

Leave a Reply