Il-Kummissarju tal-Pulizija għandu jinfetaħ Inkjesta Interna
Iż-żewġ avukati ta’ Yorgen Fenech, jiġifieri Gianluca Caruana Curran u Charles Mercieca, ser ikunu investigati minn sotto-kummitat tal-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja dwar tixħim lill-ġurnalist tat-Times. Dan il-kumitat jaqa’ taħt il-President tar-Repubblika u din l-inkjesta ser tkun immexxija mill-ex-Prim Imħallef Emeritu, Vincent DeGaetano.
Biss dawn iż-żewġ avukati għamlu akkuża serja kontra l-ġurnalista ta’ The Times, Ivan Martin. Dawn qalu li dan Ivan Martin offrilhom informazzjoni mis-Secret Service dwar dan id-delitt ta’ Daphne Caruana Galizia. Din l-informazzjoni, l-avukati setgħu jużawha favur Yorgen Fenech biex teħilsu mill-akkużi li għandu quddiem il-qorti.
Mela dawn iż-żewġ avukati qed jgħidu li Ivan Martin qiegħed f’kuntatt mas-Secret Service. Nies mis-Secret Service qed jagħtu informazzjoni lil Ivan Martin u dan kien lest joffri din l-informazzjoni lil dawn l-avukati. Għall-inqas dan hu dak li qed jgħidu dawn l-avukati ta’ Yorgen Fenech dwar dan il-ġurnalista ta’ The Times.
F’dan il-kuntest, mhux ser nidħol jekk dan hux minnu jew le. Biss quddiem akkuża serja bħal din, nemmen li l-Kummissarju tal-Puliżija, Gafa’, għandu l-ewwel jagħmel investigazzjoni interna ħalli jara jekk dan hux minnu jew le.
It-tieni, għandu jagħmel inkjesta permezz ta’ maġistrat fuq dan l-allegat fatt li s-Secret Service Malti qiegħed f’kuntatt ma’ ġurnalista ta’ The Times u lesti jgħaddulu informazzjoni li huma jkunu ġabru dwar dan il-każ. Dan l-iskandlu faqqa’ l-ġimgħa l-oħra u sallum, il-Kummissarju tal-Pulizija għadu ma għamel xejn minn dan kollu. Dan iġib tħassib li dak li qed jgħidu l-avukati ta’ Yorgen Fenech, jiġifieri li Ivan Martin mar fuqhom u offrilhom informazzjoni u din l-informazzjoni kien ser iġibha mis-Secret Service Malti hija minnha. Kieku m’hemmx dan il-biża’ kollu, kieku l-Kummissarju tal-Pulizija ilu li fetaħ inkjesta interna u oħra b’maġistrat.