Jason Azzopardi ikompli jigdeb fuq Yorgen Fenech u jinsa li mar Tel Aviv

Fil-programm XTRA, Dr. Jason Azzopardi reġa gideb bil-kbir. Meta kien qed jitkellem ma’ Saviour Balzan qal li Yorgen Fenech, is-sena l-oħra, mar bl-ajruplan privat ma’ xi ħadd. Hu mplika li dan ix-xi ħadd kien deputat parlamentari min-naħa tal-Gvern. Bħal ma għamel fuq l-istazzjoni tal-isqfijiet, Dr. Jason Azzopardi ma qalx x’jismu dan id-deputat.

Għal darba oħra nqabad f’gidba oħra għaliex il-familja Fenech ilha li biegħet l-ajruplan privat tagħha madwar tliet snin ilu. Mela kif seta’ Yorgen Fenech mar fuq l-ajruplan privat tiegħu ma’ xi ħadd meta l-kumpanija ma kellhiex aktar dan l-ajruplan privat?  Din gidba faħxija oħra tiegħek Dr. Jason Azzopardi bħal ma kienet gidba faħxija tiegħek meta mort fuq l-istazzjon tal-isqfijiet u tkellimt li ministru tal-Gvern kien involut f’hold-up fuq l-HSBC.

L-anqas ma hu l-każ li kera ajruplan privat. Nista’ ngħidlek li matul 2019, Yorgen Fenech għamel numru ta’ vjaġġi għar-raġunijiet mediċi u ieħor mal-familja lejn Disneyland. L-ebda wieħed ma għamlu fuq ajruplan privat. Mela dawn kienu vjaġġi lejn l-Iskozja, l-Istati Uniti u Pariġi. Kif kelli ġa ċans nikteb, f’Pariġi mat-tfal tiegħu. Nirrepeti Pariġi mar mal-mara u t-tfal u ma kienx hemm persuni oħra.   L-anqas vjaġġi oħra tiegħu ma saru fuq ajruplan privat.

Fuq kollox, Jason Azzopardi qal li ma jiftakarx li mar il-Hilton ta’ Tel Aviv u ħallsulu t-Tumas Group. Kemm infakkar li l-lukanda Hilton ta’ Tel Aviv li hija waħda mill-aktar lukandi lussużi f’Tel Aviv. Trid tkun tbati bl-amnesia, jiġifieri li tinsa b’mod patoloġiku biex ma tiftakarx li xi ħadd ħallaslek vjaġġ bħal dak ġewwa Tel Aviv. Imbagħad,  l-Imħallfin u l-Maġistrati jemmnu l-gideb ta’ Jason Azzopardi fil-kawżi li jkollhom quddiemhom li jikkonċernaw lilu. Skużi, Jason Azzopardi, erġajt inqbadt tigdeb! Mhux darba, iżda aktar minn darba!  

Leave a Reply