It-Tumas Group jinteressawhom il-Ħaddiema

It-Times tat storja fejn l-imħallef Grazio Mercieca neħħa s-sekwestru li l-familja Caruana Galizia għamlet fuq numru ta’ kumpaniji tat-Tumas Group. Wara numru ta’ aħbarijiet ħżiena għall-familja Fenech, għall-inqas din kienet aħbar tajba. Biss aktar milli għalihom, din l-aħbar kienet tajba għall-ħaddiema tagħhom.

Biss qabel ma nispjega għaliex din kienet aħbar tajba għall-ħaddiema, nixtieq niġbed l-attenzjoni għar-rappurtaġġ ħażin ta’ din l-istorja f’The Times. L-ewwel hawn mhux qed nitkellmu fuq ‘garnish order’ kif irrappurtat din il-gazzetta. Hawn qed nitkellmu fuq mandat (bl-Ingliż – seizure). L-Imħallef Grazio Mercieca neħħa il-mandat li ġie impost mill-familja Caruana Galizia fuq numru ta’ kumpanji. Fi kliem ieħor dawn ġew maqbuda u għalhekk l-anqas seta’ jsir il-ħlas tal-ħaddiema. Għalhekk din l-aħbar tal-lum kienet tajba għall-ħaddiema. Fuq kollox, dan il-mandat ma ħarġitux l-imħallfa Anna Felice iżda t-talba saret mill-familja Caruana Galizia lill-imħallef Francesco Depasquale. L-imħallfa Anna Felice ħarġet il-kontro-mandat li kienet għamlet il-famlija Caruana Galizia favur Melvin Theuma.

Mela l-ewwel mandat jew dak oriġinali ħarġu l-imħallef Depasquale. Normalment meta l-mandat ikun ta’ ċertu ammont sostanzjali, u dan kien ta’ 5 miljuni, l-imħallef jitlob lil min jagħmlu biex jippreżenta rendikont ta’ dan l-ammont u l-imħallef jista’ jagħżel li jawtorizza l-ammont kollu jew parti minnu jekk iqis li dan l-ammont kien aċċessiv. F’dan il-każ, l-imħallef Depasquale ma għamel xejn minn dan u awtorizza kemm il-mandat ta’ qbid u anki l-mandat ta’ sekwestru. B’hekk sar dan il-kontromandat mit-Tumas Group biex jitneħħu kumpaniji li ġew maqbuda b’dan il-mandat peress li dawn ma kienux ta’ Yorgen Fenech. Wieħed irid jiftakar li t-Tumas Group mhux Yorgen Fenech biss.

Illum meta taqra r-rapport ta’ The Times tinduna min kienu dawn il-kumpanji involuti f’dan il-mandat jew ‘seizure’. Ħafna minn dawn il-kumpanji kienu jaħdmu fit-turiżmu u f’setturi oħra li bħal issa intlaqtu ħażin mill-Covid19. Verament kif kien hemm min kiteb f’dan il-blog, li l-familja Fenech tħobb il-ħaddiema. B’dan il-mandat ma setgħux jitħallsu l-ħaddiema. Min għamel dan il-mandat kien jaf x’inhuwa jagħmel. Fi kliem ieħor kienu kuntenti li ma jitħallsux il-ħaddiema, anki jekk għadu l-anqas ġie stabbilit li Yorgen Fenech huwa ħati!

Kieku riedu, il-familja Fenech setgħu għamlu kif darba kien għamel iċ-Ċaqnu, meta bdew l-awtoritajiet jaqbdu miegħu. Hu kien bagħat il-ħaddiema d-dar. U issa, bil-Covid, bit-turiżmu qiegħed fil-qiegħ, tibgħat il-ħaddiema id-dar hija l-inqas ħaġa diffiċli. Din il-mossa kienet żgur tolqot lill-Gvern fil-laħam il-ħaj u ssallbu aktar milli hu msallab. Naħseb li l-familja Fenech indunat x’inhi l-logħba wara dawn il-mandati. Bl-iskuża tad-danni morali, ħadu azzjoni biex ikomplu jkissru l-ekonomija u jagħmlu ħsara lir-reputazzjoni ta’ Malta. Hawn qed nitkellmu fuq Group li jħaddem mal-elf ħaddiem f’setturi differenti. Il-familja Fenech dejjem evalwat l-interessi tal-ħaddiema. Għalihom, il-qliegħ ta’ flus jiġi minn investimenti kapitali kbar li għamlu.  

Leave a Reply