Il-Gazzetta tal-Knisja Xxandar il-gideb fuq Yorgen Fenech.
Il-gazzetta tal-Knisja Maltija, Newsbook, ħarġet b’aħbar sensazzjonali. Qaltilna li Yorgen Fenech ħareġ jippassiġġa fil-ħabs mad-direttur tal-ħabs. Qaltilna wkoll li Yorgen Fenech qed jaħslulu ħwejġu l-ħabsin nisa. Tagħtna aktar tagħrif sensazzjonali. Qaltilna wkoll li Yorgen Fenech kien jinżamm f’divizzjoni oħra sakemm ittieħed fejn hu llum u f’din is-sezzjoni hu privileġġjat.
Infakkar lil Newsbook, li għal bidu, Yorgen Fenech kien qed jinżamm f’divizzjoni ta’ sigurta massima. L-anqas sodda fejn jorqod ma kien hemm. Kien irid jorqod fl-art. Infakkar li Yorgen Fenech dam f’din il-kamra bla sodda u xejn fiha għal aktar minn sitt ġimgħat. La kellu television, la kotba x’jaqra. Ma tħallilu xejn. Kien biss jitħalla joħroġ nofs siegħa kuljum kemm jieħu nifs. Il-kamra kienet għera u t-toilet kien toqba fl-art. Ara fuq dawn l-affarijiet il-ġurnali ma qalu xejn.
Fuq kollox, Yorgen Fenech jaħsel il-ħwejjeġ u l-lożor. Dak li ma qalx l-artiklu li minħabba l-Covid19, id-detenuti l-anqas baqgħu jistgħu jibgħatu l-ħwejjeġ id-dar biex jinħaslu. B’hekk fil-bidu kienu jaħsluhom fis-sink. Yorgen Fenech kellu jitgħallem kif jaħsel ħwejġu. Wara ftit ġabulhom washing machine. Anki jixtri s-sapun tal-ħasil mill-ħabs. Qed ngħid dan biex nuri biss li dan l-artiklu kien intenzjonat biss jagħmel il-ħsara u jxerred gideb fuq Yorgen Fenech.
Biss dan l-artiklu ma kienx maħsub biss biex iħammeġ lil Yorgen Fenech iżda wkoll biex inissel l-għadab ta’ min jaqrah kontra tiegħu. Kemm infakkar lil Newsbook, li Yorgen Fenech hu arrestat. Għadu ma nstabx ħati. Allura kont nistenna aktar serjeta’ minn gazzetta tal-Knisja. Mela għaliex persuna qed tinżamm arrestata l-ħabs, hija awtomatikament ħatja? Issa jekk il-Knisja qed tagħmel l-interessi taċ-CSN, għax dawn ħadu over fil-Knisja f’Malta, dik ħaġa oħra.
Dak li nista’ ngħid li meta wieħed iħares lejn il-kummenti tan-nies għal dan l-artiklu, speċjalment dawk fuq il-paġna Facebook, wieħed isib numru kbir minnhom huma solidali ma’ Yorgen Fenech. Kien hemm kumment partikolari li jitlob analiżi. Dan il-kumment kien malizjuż u mhux veritier. Dan kitbu ċertu Valentino Festari. Dan kiteb hekk:
“Dak ċella għalih waħdu għandu Yorgen plus xi television 50 inch meta l-iktar li jista’ jkollok 22 inch bil–liġi l-ħabs il-ħaxi, il-korruzjoni kollox u tgħid ma jkunx mal-ħabsin l-oħra protett mill-ħnizer!”
Dan hu kollu gideb. Mhux ser inkun qed nikxef l-ebda sigriet jekk ngħid li llum Yorgen Fenech jinsab f’ċella ma’ ħames priġunieri oħra. Verament għandu television fiċ-ċella iżda t-television hu pprovdut mill-awtoritajiet tal-ħabs u jħallas għalih bħal kulħadd ieħor. Yorgen Fenech ma jistgħax idaħħal television minn barra.
Biss taf x’naf. Li Newsbook ma qalet xejn li l-familja ta’ Caruana Galizia neħħiet il-mandati minn fuq Melvin Theuma. Fuq dan id-dettal ma titkellimx il-gazzetta tal-Knisja. Infakkar li mingħajr Melvin Theuma l-akkużi kollha fuq Yorgen Fenech jaqgħu u addio il-5 miljun euro kumpens!
Infakkar li l-Arċisqof Scicluna, li għandi rispett lejh, għamel priedka iebsa kontra l-użura u l-użurajja, jiġifieri dawk li jħaddmu l-użura bħal ma hu Melvin Theuma. L-Arċisqof Scicluna seħethom: dan il-każ ta’ Yorgen Fenech huwa kollu bbażat fuq xhieda ta’ persuna li llum hija misħuta mill-arċisqof Scicluna! Nippretendi aktar serjeta’ minn ġurnal tal-Knisja jekk ma tridx l-istess Knisja tkompli titlef ruħha kif ġa qed tagħmel!