Where your opinion counts

Id-Double Standards ta’ Jason Azzopardi u r-Rivalita bejn il-Casinos f’Malta

Fil-programm Xtra ta’ Saviour Balzan, Dr. Jason Azzopardi ġie mistoqsi dwar ir-relazzjoni tiegħu ma’ Yorgen Fenech jew it-Tumas Group. Dr. Azzopardi rrisponda billi qal li lilu għandu jistaqsih u jkellmu fuq x’ġara wara 2018, jiġifieri x’ġara wara li l-kumpanija 17Black saret magħrufa li hija ta’ Yorgen Fenech. Biss qabel din id-data ma hemmx għalfejn ikun mistoqsi. Hu qal hekk għaliex hu ħa pjaċiri b’xejn qabel din id-data mingħand it-Tumas Group u allura ma jrid lil ħadd jitkellem dwarhom.

Kemm infakkar li 17Black saret magħrufa li hija ta’ Yorgen Fenech f’Novembru 2018. Mela għala huwa qed jistaqsi dwar Joe Cuschieri u r-relazzjoni tiegħu ma’ Yorgen Fenech? Din mhux saret qabel Novembru 2018?  Bl-istess riga ta’ Dr. Jason Azzopardi, Joe Cuschieri mar Las Vegas ma’ Yorgen Fenech f’Mejju 2018. Mela għalfejn hemm dawn l-akkużi kollha kontra Joe Cuschieri? Dak li jgħodd għal Jason Azzopardi għandu jgħodd għal Joe Cuschieri.

Xi ħadd naive jista’ jaħseb li dan kollu qed isir fl-interess tar-rule of law. Illum ninsab konvint aktar minn qabel, li din hija biss skuża. Hemm min qed jaqra wara dan kollu orkestrazzjoni ċara mill-Oppożizzjoni u l-ħbieb tagħha biex issir ħsara lill-MFSA. Biss jien naħseb li hemm aktar minn hekk. 17Black hija biss skuża. Naħseb li wara dawn l-istejjer fil-media hemm ġlieda siekta li għaddejja bħal issa bejn żewġ kumpaniji kbar tal-Casinos, dik tat-Tumas Group u dik tad-Dragunara. Mill-mod kif ċertu media qed tirrapporta ċertu fatti, jidher li ddeċidiet li tagħti s-support tagħha lill-kumpanija tal-Casino tad-Dragunara li hija ta’ Bianchi. Huwa fatt magħruf li hemm rivalita’ bejn dawn iż-żewġ kumpaniji. B’hekk dak li qed nisimgħu fil-media dwar din l-istorja huwa biss skuża biex tkun imkissra waħda minn dawn iż-żewġ kumpaniji bl-iskuża tal-etika tajba. Żgur li dawn l-aħbarijiet dwar Las Vegas mhux qed isiru fl-interess tal-poplu Malti u wisq inqas tal-ħaddiem Malti.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *