Dr. Jason Azzopardi u l-Investigazzjoni Fażulla fuqu mill-Korp tal-Pulizija

Il-bieraħ, Dr. Jason Azzopardi kien fuq il-programm ta’ Saviour Balzan. Hu ġie mistoqsi jekk jafx b’inkjesta li hemm fuqu, fejn qed ikun investigat mill-pulizija dwar  ‘trading in influence’. Dr. Azzopardi qal li ma jaf b’xejn biha. Kemm infakkar li jien kont tkellimt fuq din l-inkjesta fil-passat meta kont tellajt numru ta’ posts dwarha.

Tlett xhur wara r-rebħa elettorali tal-2013, id-Dipartiment tal-Artijiet kien għamel rapport lill-pulizija fuq misappropriazzjoni ta’ art pubblika f’Għajn Dwieli, Raħal Ġdid. B’hekk il-pulizija fetħet investigazzjoni. Fir-rapport lill-pulizija, id-Dipartiment tal-Artijiet irrapporta wkoll li min hu involut f’dan il-każ ipprova juża l-influwenza tiegħu biex jgħatti dan il-ħmieġ. Ma nistgħax nifhem kif f’din l-investigazzjoni, l-ex-ministru tal-artijiet, jiġifieri Dr. Jason Azzopardi, ma ġiex investigat u wisq aktar li ma jafx biha din l-istorja. Qed ngħid hekk għaliex Dr. Jason Azzopardi qal li ma jaf xejn b’din l-istorja.  L-akkużi huma serjissimi. Dawn huma ta’ misappropriazzjoni ta’ art pubblika, iżda wkoll ta’ serq, korruzzjoni u l-agħar ta’ training in influence. Din hija akkuża li normalment issir fil-konfront ta’ politiku. Kemm infakkar li din l-art tinsab fid-distrett ta’ Dr. Jason Azzopardi.

L-ispettur li beda jinvestiga dan il-każ kien is-Sur Jonathan Ferris. Il-maġistrat inkwirenti fetaħ inkjesta. Illum il-magistrat sar imħallef u peress li ma kienx leħaq għalaq l-inkjesta, din għaddiet għand maġistrat ieħor. Biss  l-inkjesta ilha seba’ snin snin miftuħa u għadha ma ngħalqitx.

Biss mhux il-maġistrat biss inbidel. Anki l-ispettur ma baqgħax fil-korp. Illum Jonathan Ferris telaq mill-korp. Sa hawn ma hemm xejn ħażin. Iżda ġara fatt interessanti. Dr. Jason Azzopardi sar l-avukat li jiddefendi lil Jonathan Ferris. F’kawża minnhom, Dr. Jason Azzopardi assista lil Jonathan Ferris fil-qorti ma’ l-avukat Andrew Borg Cardona. L-Avukat Andrew Borg Cardona jridha tal-paladin tar-rule of law. Hawn nistaqsi, lil Dr. Jason Azzopardi jekk dan hux eżempju ta’ governanza tajba? Jiġifieri spettur li suppost investiga reat serju ħafna fid-dipartiment tal-artijiet li kien jaqa’ taħt Dr. Jason Azzopardi meta kien ministru, dan il-ministru jispiċċa l-avukat ta’ dan l-istess ispettur. Ma hawnx konflitti ta’ interess f’dan il-każ? Hija din governanza tajba? Fuq kollox, jekk għandna nemmnu lil Dr. Azzopardi li l-pulizija qatt ma investigatu, allura wieħed jistaqsi kemm hija serja din l-inkjesta? Ma niddejjaqx ngħid li jekk dak li qal Dr. Azzopardi hu minnu, din kienet investigazzjoni fażulla mill-pulizija.  

Fuq kollox, Dr. Jason Azzopardi huwa l-kelliemi tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja. Huwa aspett ta’ Governanza tajba li spettur li suppost investiga politiku fuq korruzzjoni, serq ta’ propjeta’ u trading in influence fost l-oħrajn, l-istess politiku jispiċċa l-avukat personali tiegħu? Ara fuq dan il-fatt, il-media tar-rule of law, ic-Civil Society Network u l-media tal-isqfijiet ma tgħid xejn. U ara xi ħadd jgħidli li l-ġurnalisti tagħna ma jafux b’dan il-każ! Dan il-każ spiċċa għandi xhur ilu għaliex l-ebda media house ma riedet titkellem dwaru. Niskanta kif din l-istorja qabadha issa Saviour Balzan!

Biss l-agħar ħaġa għalija hija l-investigazzjoni dwar trading in influence. X’garanzija għandna llum fil-każ ta’ Daphne Caruana Galizia li l-pulizija għamlet xogħolha sew? X’garanzija għandna li l-imħallfin qed jagħmlu xogħolhom sew fl-inkjesta? Infakkar li Dr. Jason Azzopardi nqabad f’ritratt, li jien ippubblikajt, mal-maġistrat li għamel l-inkjesta ta’ Daphne Caruana Galizia. Illum dan il-magistrat huwa imħallef. Hawn qed nitkellmu fuq politiku li potenzjalment hemm akkużi kontra tiegħu fuq trading in influence. Dawn huma elementi ta’ governanza tajba? Mela kulħadd jitlob għar-reżenji ta’ persuni li b’xi mod iltaqgħu ma’ Yorgen Fenech iżda fuq dawn l-affarijiet, il-media ma titkellem xejn.   Issa wieħed ikompli jifhem għaliex hemm bżonn li Yorgen Fenech jibqa’ jinżamm il-ħabs akkost ta’ kollox.

Leave a Reply