Kemm nies tista’ tilqa’ Malta mingħajr ma tbati l-kwalità tal-ħajja?

Minn Osservatur Politiku
Hemm tħassib li qed jikber fost il-poplu Malti u Għawdxi kollu. Mhuwiex tħassib li nħoloq mil-lum għal għada, iżda r-riżultat ta’ bidla kbira li seħħet fi żmien relattivament qasir u li qed tinħass dejjem aktar fil-ħajja ta’ kuljum. Qed nitkellmu fuq iż-żieda qawwija fil-popolazzjoni ta’ pajjiżna, żieda li ma kinitx akkumpanjata minn ippjanar fit-tul u minn strateġija ċara dwar kemm Malta tista’ tilqa’ nies oħra mingħajr ma tbati l-kwalita’ tal-ħajja.
Għal snin sħaħ, il-Gvern ippreżenta ż-żieda fil-popolazzjoni bħala parti mis-suċċess ekonomiku. Aktar nies kienu jfissru aktar ħaddiema, aktar konsum, aktar negozju u aktar tkabbir fil-Prodott Domestiku Gross. Iżda l-mistoqsija li llum qed jagħmel il-poplu hija waħda sempliċi: kemm jista’ jibqa’ jikber pajjiżna b’dan il-pass, u min qed iġorr il-konsegwenzi?
Iċ-ċifri jitkellmu waħedhom. Il-popolazzjoni ta’ Malta u Għawdex laħqet 588,254 persuna fi tmiem l-2025, żieda ta’ 2.4 fil-mija f’sena waħda. Il-migrazzjoni netta kienet ta’ 13,906 persuna. Din mhijiex bidla żgħira jew temporanja. Hija trasformazzjoni demografika li qed tbiddel il-mod kif ngħixu, kif nużaw l-ispazju u kif inħarsu lejn il-futur ta’ pajjiżna.
Irrid nagħmilha ċara: il-ħaddiema barranin li ġew Malta biex jaħdmu, jgħixu u jikkontribwixxu għall-ekonomija tagħna mhumiex il-problema. Ħafna minnhom qed jagħmlu xogħol importanti f’diversi setturi u saru parti mill-komunitajiet tagħna. Ma nistgħux nitolbu lil dawn in-nies jiġu jaħdmu f’pajjiżna u mbagħad nagħmluhom responsabbli għall-konsegwenzi ta’ politika li ma kinux huma li fasslu.
Illum, ħafna familji qed iħossu l-pressjoni. It-traffiku sar parti kważi inevitabbli mill-ħajja ta’ kuljum. Il-prezzijiet tal-proprjeta’ u tal-kirjiet qed jagħmluha aktar diffiċli għal żgħażagħ u koppji ġodda biex isibu post fejn jgħixu. L-ispazji miftuħa qed jonqsu, filwaqt li d-domanda għall-enerġija u għall-ilma qed tikber. Is-servizzi pubbliċi jridu jservu popolazzjoni akbar, u l-infrastruttura trid tlaħħaq ma’ domanda li qed tiżdied kontinwament.
Dawn mhumiex problemi separati. Huma konsegwenzi marbuta ma’ mudell ta’ tkabbir li għal wisq żmien kejjel is-suċċess mill-volum tal-attivita’ ekonomika u mhux biżżejjed mill-kapaċita’ tal-pajjiż li jġorrha.
Il-Baġit 2027 ħabbar investimenti f’oqsma bħall-enerġija, l-ilma u l-infrastruttura. Dawn huma meħtieġa, iżda mhumiex biżżejjed jekk ma jkunux parti minn pjan nazzjonali li jorbot it-tkabbir tal-popolazzjoni mal-kapaċita’ reali ta’ Malta.
Għalhekk nemmen li Malta teħtieġ strateġija nazzjonali dwar il-popolazzjoni. Strateġija li ma tkunx sempliċement dokument ieħor, iżda pjan li jistabbilixxi kif se niżviluppaw l-ekonomija, liema ħaddiema se jkollna bżonn, liema setturi rridu nsaħħu u kemm jistgħu jifilħu l-infrastruttura u s-servizzi tagħna.
Fl-istess waqt, irridu nbiddlu l-mudell ekonomiku. Ma nistgħux nibqgħu niddependu biss fuq aktar ħaddiema biex inkabbru l-ekonomija. Irridu ninvestu fil-produttivita’, fit-teknoloġija, fl-awtomazzjoni, fl-innovazzjoni u fil-ħiliet. Irridu noħolqu aktar valur bl-istess riżorsi, sabiex il-pagi u l-istandard tal-għajxien ikunu jistgħu jitjiebu mingħajr ma jkollna għalfejn inżidu l-popolazzjoni bl-istess ritmu.
Din mhijiex kwistjoni kontra t-tkabbir jew kontra l-barranin. Hija kwistjoni favur ippjanar responsabbli u favur il-kwalita’ tal-ħajja. Pajjiżna għandu jibqa’ miftuħ għall-investiment u għat-talent, iżda jrid jagħmel dan b’mod li jirrispetta l-limitazzjonijiet tiegħu u l-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini tiegħu.
Il-Maltin u l-Għawdxin għandhom dritt jistaqsu x’qed jiġri minn pajjiżhom u x’futur qed jitħejja għal uliedhom. Għandhom dritt jistennew li l-Gvern ma jaħsibx biss dwar kemm tista’ tikber l-ekonomija, iżda wkoll dwar kemm jista’ jiflaħ il-pajjiż.
Il-poplu mhux qed jitlob li Malta tieqaf tiżviluppa. Qed jitlob li l-iżvilupp ikun ippjanat, bilanċjat u sostenibbli. U dan mhux talba eċċessiva. Hija r-responsabbilta’ bażika ta’ kull Gvern.
Għax Malta mhijiex sempliċement ekonomija li trid tikber. Hija pajjiż fejn in-nies iridu jgħixu, irabbu familji u jħarsu lejn il-futur b’serħan il-moħħ. U l-ebda ċifra ta’ tkabbir ma tista’ tkun suċċess jekk il-prezz tagħha jkun il-kwalita’ tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi.
