“We want to make life easier, more beautiful and better.”

Minn Osservatur Politiku

Dawn kienu l-kelmiet tal-Prim Ministru waqt il-kampanja elettorali — frażi sempliċi iżda b’saħħitha li tipprova tiġbor fiha l-aspirazzjoni naturali ta’ kull poplu: li jgħix ħajja aħjar, aktar stabbli u aktar serena.

Diffiċli ssib min ma jaqbilx ma’ din il-viżjoni fil-prinċipju. Min ma jridx pajjiż fejn il-ħajja tkun aktar faċli għall-familji? Min ma jridx komunitajiet aktar sbieħ, inqas stress u aktar kwalita’ tal-ħajja?

Iżda wara kull slogan politiku sabiħ, dejjem tibqa’ l-istess mistoqsija fundamentali: kif se naslu hemm?
Għax il-poplu llum mhux qed jistenna biss kliem sabiħ jew wegħdi ġeneriċi. Qed jistenna direzzjoni ċara, serjeta’ u pjan realistiku dwar kif il-pajjiż se jindirizza l-isfidi li qed jaffettwaw il-ħajja ta’ kuljum tan-nies.

Il-verita’ hi li ħafna Maltin illum iħossu li l-ħajja saret aktar diffiċli milli kienet ftit snin ilu. Mhux neċessarjament għax il-pajjiż ma kibirx ekonomikament — għax kiber, u b’rata mgħaġġla ħafna — iżda għax ħafna qed jistaqsu jekk dak it-tkabbir ekonomiku hux qed jittraduċi ruħu biżżejjed fi kwalita’ ta’ ħajja aħjar.

Dan huwa l-qofol tad-diskussjoni li Malta għandha bżonn tagħmel fis-snin li ġejjin.
Għal ħafna familji, il-pressjoni finanzjarja qed tkompli tikber. Il-prezzijiet tal-ikel, il-kera, il-proprjeta’ u diversi spejjeż oħra żdiedu b’mod qawwi. Ħafna ħaddiema jħossu li minkejja li qed jaħdmu aktar, qed isibuha aktar diffiċli biex iżommu l-istess livell ta’ għajxien.

Żgħażagħ li qabel kienu jħarsu lejn il-futur b’ottimiżmu illum qed jistaqsu jekk humiex se jkunu jistgħu jixtru dar jew jibnu familja mingħajr pressjoni finanzjarja kbira.

Fl-istess ħin, ħafna nies qed iħossu li l-pajjiż sar aktar mgħaġġel, aktar stressanti u aktar iffullat. It-traffiku, il-kostruzzjoni kontinwa, il-pressjoni fuq l-infrastruttura u l-bidla fil-karattru ta’ ċerti lokalitajiet qed iqajmu mistoqsijiet leġittimi dwar x’tip ta’ pajjiż irridu nibnu għall-futur.

Għalhekk meta l-Prim Ministru jgħid li jrid jagħmel il-ħajja “aktar faċli, isbaħ u aħjar”, il-poplu għandu kull dritt jistenna aktar minn slogan sabiħ. Għandu jistenna politika li verament tindirizza dawn ir-realtajiet.

Il-kelma “faċli” pereżempju tista’ tfisser ħafna affarijiet differenti.

Tfisser aktar poter ta’ xiri? Tfisser sistema tat-transport aħjar? Tfisser inqas burokrazija għan-negozji? Tfisser aktar bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja? Jew tfisser politika ekonomika li tagħti aktar serħan il-moħħ lill-familji? Probabbilment tfisser dawn kollha flimkien.

Iżda biex il-ħajja verament issir aktar faċli, hemm bżonn li l-pajjiż jibda jindirizza mhux biss is-sintomi tal-problemi, iżda wkoll il-kawżi tagħhom.

Pereżempju, il-Gvern f’dawn l-aħħar snin investa ħafna f’sussidji u għajnuniet biex jikkumpensa għall-għoli tal-ħajja. Dawn kienu importanti u f’ċerti każi neċessarji. Iżda ħafna nies qed jistaqsu jekk il-pajjiż jistax jibqa’ jiddependi għal dejjem fuq intervent kontinwu tal-Istat biex iżomm il-pressjonijiet taħt kontroll.

Forsi wasal iż-żmien għal mudell ekonomiku li joħloq aktar produttivita’, pagi aħjar u tkabbir aktar sostenibbli.

L-istess jgħodd għall-kelma “isbaħ”. Pajjiż sabiħ mhux biss wieħed b’ekonomija tikber jew b’aktar bini modern. Pajjiż sabiħ huwa wieħed fejn in-nies iħossuhom komdi jgħixu fih. Fejn hemm spazji miftuħa, ambjent nadif, komunitajiet b’saħħithom u sens ta’ bilanċ.

Għal ħafna Maltin, il-biża’ hija li Malta kibret ekonomikament aktar malajr milli kibret fil-kapaċita’ tagħha li tipproteġi l-kwalita’ tal-ħajja.
Dan ma jfissirx li wieħed għandu jkun kontra l-progress jew kontra l-iżvilupp. Iżda jfisser li t-tkabbir għandu jkun ippjanat aħjar u aktar iffukat fuq il-bniedem.

Hawnhekk jidħol ukoll il-kunċett tal-“aħjar”. X’inhi eżattament ħajja aħjar għal Malta moderna? Għal xi wħud tfisser aktar opportunitajiet ekonomiċi. Għal oħrajn tfisser aktar ħin mal-familja. Għal oħrajn tfisser aktar sigurta’ finanzjarja jew aktar serenita’ mentali.

Il-Politika moderna trid tibda tifhem li l-progress ma jistax jibqa’ jitkejjel biss bil-GDP jew bin-numri ekonomiċi. Għandu jitkejjel ukoll bil-kwalita’ tal-ħajja tan-nies ordinarji.

Jekk l-ekonomija tikber iżda l-istress jikber ukoll, jekk il-pagi jiżdiedu iżda l-proprjeta’ tibqa’ ma tintlaħaqx, jew jekk il-pajjiż jiġġenera aktar ġid iżda l-komunitajiet jitilfu l-identita’ tagħhom, ħafna nies jibdew jistaqsu jekk dak il-progress hux qed jinħass tassew fil-ħajja tagħhom. Dan huwa proprju wieħed mill-akbar dibattiti politiċi tal-lum.

Il-poplu ma jridx biss ekonomija li tikber. Irid ekonomija li taħdem għalih. Irid pajjiż fejn il-progress jinħass fil-ħajja ta’ kuljum u mhux biss fi statistika jew rapporti ekonomiċi.

Dan japplika wkoll għaż-żgħażagħ. Għax huma l-aktar li qed jistaqsu x’tip ta’ Malta se jirtu fil-futur. Pajjiż b’aktar opportunitajiet jew pajjiż b’aktar pressjonijiet? Pajjiż sostenibbli jew pajjiż li qed jikber aktar milli jiflaħ?

Il-Prim Ministru għandu raġun jgħid li n-nies iridu ħajja aħjar. Il-problema qatt ma kienet fuq il-prinċipju. Il-problema dejjem tkun kif dan jitwettaq fil-prattika. U hawnhekk il-politika trid tkun onesta mal-poplu.

Għax mhux kull problema tista’ tissolva malajr jew b’miżuri popolari biss. Xi sfidi jeħtieġu deċiżjonijiet diffiċli, ippjanar fit-tul u ċertu bilanċ bejn tkabbir ekonomiku u sostenibbilta’.

Il-pajjiż għandu bżonn diskussjoni aktar matura dwar x’inhu verament il-progress. Għandu bżonn politika li tħares mhux biss lejn l-elezzjoni li jmiss, iżda lejn il-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

Forsi proprju hemmhekk tinsab l-akbar sfida għall-Gvern il-ġdid: kif se jittraduċi dawn il-wegħdi ta’ ħajja “aktar faċli, isbaħ u aħjar” f’realta’ konkreta li tinħass minn kulħadd.

Għax il-poplu Malti mhux qed jistenna perfezzjoni. Iżda qed jistenna serjeta’, direzzjoni u sens ċar li l-pajjiż qed jimxi lejn mudell ta’ żvilupp aktar bilanċjat u aktar sostenibbli.

U l-veru test tal-politika qatt ma jkun il-kliem li jingħad waqt kampanja elettorali, iżda kemm dak il-kliem jinbidel f’riżultati konkreti fil-ħajja tan-nies.

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading