Baġit 2027: mit-tkabbir ekonomiku għal kwalità ta’ ħajja aħjar

Minn Osservatur Politiku

Hekk kif Malta qed tħejji ruħha għall-Baġit 2027, il-mistoqsija ewlenija mhijiex biss jekk l-ekonomija għadhiex tikber, iżda jekk dan it-tkabbir hux qed jinbidel f’aktar produttivita’, familji aktar b’saħħithom u kwalita’ ta’ ħajja aħjar. Ir-reżiljenza ekonomika hija importanti, iżda waħedha mhijiex biżżejjed. Pajjiż ma jistax iqis lilu nnifsu bħala suċċess sempliċement għax irnexxielu jżomm it-tkabbir għaddej. Is-suċċess veru jidher fil-ħajja ta’ kuljum tan-nies u fil-kapaċita’ li jinbena futur aktar sostenibbli għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.
L-indikaturi ekonomiċi jistgħu jagħtu stampa inkoraġġanti. L-impjiegi, l-attivita’ ekonomika u d-dħul tal-Gvern huma elementi li għandhom jiġu kkunsidrati meta nevalwaw il-qagħda tal-pajjiż. Iżda dawn iċ-ċifri għandhom jiġu analizzati fil-kuntest usa’ tagħhom. It-tkabbir ekonomiku ma jfissirx awtomatikament li kull familja qed tgħix aħjar, li kull ħaddiem qed igawdi minn pagi li jlaħħqu mal-ispejjeż, jew li s-servizzi pubbliċi qed jirnexxilhom ilaħħqu mal-ħtiġijiet ta’ popolazzjoni li qed tikber.
Għalhekk, il-Baġit li ġej għandu jwieġeb mistoqsija fundamentali: kif se ngħaddu minn ekonomija li turi reżiljenza għal ekonomija li toħloq valur akbar, b’benefiċċji li jinħassu minn aktar nies?
Il-Viżjoni Malta 2050 għandha tkun il-qafas li jgħin lill-pajjiż iwieġeb din il-mistoqsija. Viżjoni fit-tul ma tistax tibqa’ sempliċement dokument li jiddeskrivi x’nixtiequ nkunu fil-futur. Trid tinbidel f’deċiżjonijiet konkreti, investimenti mkejla u miri li jistgħu jiġu vverifikati. Il-Baġit huwa wieħed mill-aktar strumenti importanti biex dan iseħħ, għaliex permezz tiegħu l-Gvern jiddeċiedi kif se juża r-riżorsi tal-pajjiż u liema prijoritajiet se jagħżel.
Jekk irridu li Malta tkun pajjiż aktar produttiv sal-2050, irridu nibdew naħdmu għal dan illum. Il-produttivita’ ma tiżdiedx sempliċement billi jkollna aktar nies jaħdmu jew billi nżidu l-popolazzjoni. Tiżdied meta l-ħaddiema jkollhom il-ħiliet meħtieġa, meta n-negozji jinvestu fit-teknoloġija u fl-innovazzjoni, meta l-amministrazzjoni pubblika taħdem b’aktar effiċjenza u meta l-infrastruttura tkun kapaċi ssostni attivita’ ekonomika ta’ kwalita’ ogħla.
Għal żmien twil, parti mill-mudell ekonomiku ta’ Malta kienet ibbażata fuq żieda fil-ħaddiema u fl-attivita’ ekonomika. Dan il-mudell ta kontribut lit-tkabbir, iżda jeħtieġ nistaqsu jekk jistax ikompli jagħti l-istess riżultati mingħajr ma joħloq pressjonijiet dejjem akbar fuq it-toroq, l-akkomodazzjoni, is-servizzi tas-saħħa, l-ambjent u l-infrastruttura. Ma nistgħux nibqgħu nqisu aktar attivita’ ekonomika bħala suċċess awtomatiku jekk l-ispiża tagħha tkun kwalita’ ta’ ħajja aktar baxxa.
Il-familji għandhom ikunu fiċ-ċentru ta’ din il-viżjoni. Familja b’saħħitha ma teħtieġx biss għajnuna finanzjarja jew miżura waħda fil-Baġit. Teħtieġ akkomodazzjoni li tista’ taffordja, trasport li jippermettilha tasal fil-ħin, servizzi tas-saħħa li jkunu disponibbli meta jkollha bżonnhom, edukazzjoni ta’ kwalita’ u ambjent fejn it-tfal jistgħu jikbru b’mod san. Teħtieġ ukoll ħin: ħin għall-familja, għall-mistrieħ u għall-ħajja lil hinn mix-xogħol.
Dawn mhumiex kwistjonijiet separati mill-ekonomija. Huma parti mill-pedamenti tagħha. Meta familja tonfoq proporzjon kbir tad-dħul tagħha fuq l-akkomodazzjoni u l-ispejjeż essenzjali, ikollha inqas spazju biex tiffranka, tinvesti fl-edukazzjoni tat-tfal jew tippjana għall-futur. Meta l-ħin jintilef fit-traffiku, tonqos il-kwalita’ tal-ħajja u tintilef ukoll produttivita’. Meta s-servizzi pubbliċi jkunu taħt pressjoni, il-konsegwenzi jinħassu kemm mill-familji kif ukoll mill-ekonomija.
Il-Baġit 2027 għandu għalhekk juri kif il-Gvern beħsiebu jindirizza dawn l-isfidi b’mod integrat, mhux b’miżuri li jidhru tajbin għal ftit xhur iżda ma jsolvux il-problemi fit-tul. Jeħtieġ investiment f’trasport pubbliku effiċjenti, f’enerġija aktar sostenibbli, f’edukazzjoni u taħriġ li jwieġbu għall-ħtiġijiet tal-ekonomija moderna, u f’servizzi pubbliċi li jkunu ppjanati skont id-domanda reali.
Fl-istess ħin, ir-reżiljenza ekonomika ma tistax titqies bħala garanzija li Malta hija protetta minn kull riskju. Il-prezzijiet internazzjonali tal-enerġija, it-tensjonijiet ġeopolitiċi, il-bidliet fil-kummerċ u l-inċertezza ekonomika jistgħu jolqtu pajjiż żgħir u miftuħ bħal tagħna. Is-sussidji jistgħu jgħinu biex jipproteġu lill-familji u lin-negozji minn xokkijiet immedjati, iżda jridu jkunu akkumpanjati minn pjan finanzjarju sostenibbli. Inkella, dak li llum jidher bħala protezzjoni jista’ jnaqqas il-kapaċita’ tal-pajjiż li jinvesti fil-futur.
Hawnhekk tidħol il-ħtieġa ta’ dixxiplina fil-finanzi pubbliċi. Mhux kull nefqa hija investiment, u mhux kull investiment iwassal awtomatikament għal riżultati tajbin. Il-Gvern għandu jispjega fejn qed imorru l-flus, x’benefiċċji mistennija joħolqu u kif se jitkejjel is-suċċess tagħhom. Meta r-riżorsi jkunu limitati, il-prijoritajiet iridu jkunu ċari. Deċiżjoni responsabbli mhijiex dik li twiegħed kollox lil kulħadd, iżda dik li tagħżel dak li l-aktar għandu bżonn il-pajjiż u tiżgura li l-flus pubbliċi jintużaw b’mod effettiv.
Il-Viżjoni Malta 2050 għandha tgħinna nħarsu lil hinn miċ-ċiklu ta’ baġit wieħed u minn ċifri li jidhru tajbin f’sena partikolari. Għandha tagħtina direzzjoni dwar it-tip ta’ ekonomija li rridu, is-soċjeta’ li rridu nibnu u l-pajjiż li rridu nħallu lil uliedna. Iżda viżjoni mingħajr implimentazzjoni tibqa’ biss aspirazzjoni.
Għalhekk, il-Baġit 2027 għandu jkun pass konkret lejn din id-direzzjoni. Għandu juri kif it-tkabbir se jinbidel f’aktar produttivita’, kif il-familji se jkollhom aktar stabbilta’ u kif il-kwalita’ tal-ħajja se titjieb b’mod li jista’ jitkejjel. Malta wriet li tista’ tkun reżiljenti. Issa l-isfida hija li din ir-reżiljenza ma tintużax biss biex inżommu l-ekonomija għaddejja, iżda biex nibnu ekonomija aktar b’saħħitha u soċjeta’ aktar ġusta.
Il-mistoqsija mhijiex biss x’se jkun hemm fil-Baġit li ġej. Il-mistoqsija hija jekk id-deċiżjonijiet li se jittieħdu humiex se jwassluna eqreb lejn Malta li rridu naraw fl-2050. Dak għandu jkun il-kejl veru tas-suċċess.

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading