Is-Sigurta Nazzjonali u l-Provista tad-Dawl

Minn Osservatur Politiku

Meta nitkellmu dwar is-sigurta’ nazzjonali, ħafna drabi naħsbu fil-Forzi Armati, fil-Pulizija jew fis-sigurta’ tal-fruntieri. Iżda fis-seklu wieħed u għoxrin, is-sigurta’ ta’ pajjiż ma tibqax tiddependi biss minn kemm huwa kapaċi jiddefendi ruħu minn theddid militari. Tiddependi wkoll mill-kapaċita’ tiegħu li jiggarantixxi servizzi essenzjali li fuqhom tiddependi l-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini u l-funzjonament tal-ekonomija. Fost dawn is-servizzi, l-enerġija hija waħda mill-aktar kruċjali.

Pajjiż li ma jistax jiggarantixxi provvista stabbli u sigura tal-elettriku huwa pajjiż vulnerabbli. Mingħajr enerġija jieqfu l-isptarijiet, il-komunikazzjoni, il-portijiet, l-ajruport, il-produzzjoni industrijali, il-banek, is-servizzi diġitali u kważi kull aspett tal-ħajja moderna.

Il-blackouts li rajna dan is-sajf għandhom ifakkruna li l-enerġija m’għadhiex biss kwistjoni ta’ utilita’ pubblika. Hija kwistjoni ta’ sigurta’ nazzjonali.
Il-kriżijiet internazzjonali tal-aħħar snin tawna lezzjoni importanti. Il-pandemija, il-gwerra fl-Ukrajna, il-kunflitti fil-Lvant Nofsani u l-instabbilta’ fis-swieq internazzjonali tal-enerġija wrew kemm pajjiżi żgħar jistgħu jsiru vulnerabbli meta jiddependu fuq numru limitat ta’ sorsi ta’ provvista. Malta mhijiex eċċezzjoni.

Anzi, bħala gżira mingħajr riżorsi naturali ta’ enerġija, għandna aktar raġuni biex nippjanaw fit-tul u nibnu sistema li tkun kapaċi tiflaħ għall-kriżijiet.
Wieħed mill-aktar investimenti importanti li saru fl-aħħar snin kien bla dubju l-ewwel interconnector bejn Malta u Sqallija. Dan il-proġett biddel il-mod kif il-pajjiż jiġġenera u jimporta l-elettriku. Ta lil Malta aċċess dirett għan-network Ewropew u naqqas id-dipendenza fuq produzzjoni lokali biss. Dan kien pass strateġiku li saħħaħ is-sigurta’ tal-provvista u ta aktar flessibbilta’ lis-sistema. Iżda kull sistema għandha l-limiti tagħha.

Interconnector wieħed jibqa’ punt wieħed ta’ konnessjoni. Jekk iseħħ ħsara teknika, manutenzjoni mhux mistennija jew inċident fuq dik il-konnessjoni, ir-riskju għall-pajjiż jibqa’ sostanzjali.

Hawnhekk tidħol l-importanza tat-tieni interconnector. Dan m’għandux jitqies bħala proġett infrastrutturali ordinarju. Huwa investiment fis-sigurta’ nazzjonali. Żewġ konnessjonijiet indipendenti jfissru aktar reżiljenza, aktar sigurta’ u aktar kapaċita’ li Malta tibqa’ tiffunzjona anke jekk waħda mis-sistemi tfalli. F’termini sempliċi, huwa l-istess prinċipju li bih ajruplan ikollu sistemi ta’ riżerva jew sptar ikollu generators ta’ emerġenza.
Pajjiż modern ma jistax jiddependi fuq soluzzjoni waħda biss. Iżda anke żewġ interconnectors waħedhom mhux se jkunu biżżejjed. Is-sigurta’ vera tinkiseb permezz tad-diversifikazzjoni.

Fil-finanzi ngħidu li investitur għaqli ma jqiegħedx il-flus kollha f’investiment wieħed. L-istess japplika għall-enerġija. Pajjiż ma jistax jiddependi biss fuq sors wieħed jew teknoloġija waħda. Għalhekk Malta għandha tkompli tinvesti f’taħlita bilanċjata ta’ sorsi differenti.

L-enerġija rinnovabbli għandha tibqa’ tikber. Il-pannelli fotovoltajċi fuq djar, fabbriki u bini pubbliku għandhom ikomplu jiżdiedu. Fejn ikun possibbli għandhom jiġu esplorati wkoll proġetti offshore u teknoloġiji ġodda li joffru aktar effiċjenza.
Madankollu, irridu nkunu realistiċi. Ix-xemx ma tiddiex erbgħa u għoxrin siegħa kuljum. Ir-riħ mhux dejjem jonfoħ. Dan ifisser li s-sorsi rinnovabbli għandhom ikunu akkumpanjati minn sistemi ta’ ħażna tal-enerġija.

Hawnhekk jidħlu l-batteriji fuq skala nazzjonali. Madwar id-dinja qed naraw pajjiżi li qed jinvestu bil-kbir f’sistemi ta’ ħażna tal-elettriku. Dawn jippermettu li l-enerġija prodotta matul il-jum tinħażen u tintuża fil-ħinijiet ta’ domanda għolja jew meta jkun hemm problema fil-provvista.
Din mhijiex teknoloġija tal-futur. Hija teknoloġija tal-lum. U Malta għandha kull interess li tagħmel parti minn din it-tranżizzjoni.

Barra minn hekk, għandna nħarsu wkoll lejn il-kapaċita’ tan-network innifsu. Ma jagħmilx sens li jkollna aktar enerġija jekk in-network tad-distribuzzjoni ma jkunx kapaċi jwassalha fejn hemm bżonn.

Il-blackouts riċenti wrew li l-isfida mhijiex biss kemm għandna enerġija disponibbli, iżda wkoll kemm in-network tagħna huwa modern u reżiljenti. Dan jitlob investiment kontinwu f’cables ġodda, substations moderni, transformers aktar b’saħħithom u sistemi intelliġenti li jidentifikaw u jiżolaw il-ħsarat qabel ma jaffettwaw eluf ta’ utenti. In-network tal-futur irid ikun smart grid. Sistema li tuża t-teknoloġija biex timmonitorja d-domanda f’ħin reali, tqassam it-tagħbija b’mod aktar effiċjenti u tnaqqas ir-riskju ta’ ħsarat estensivi. Din hija d-direzzjoni li qed jieħdu ħafna pajjiżi Ewropej. Malta m’għandhiex tibqa’ lura.

Naturalment, dawn il-proġetti kollha jiswew il-flus. Iżda l-mistoqsija vera mhijiex kemm jiswew. Il-mistoqsija hi kemm jiswielna jekk ma nagħmluhomx.
Il-blackouts għandhom spiża ekonomika. Il-falliment ta’ infrastruttura kritika għandu spiża soċjali. Nuqqas ta’ investiment illum jista’ jwassal għal spejjeż ferm akbar għada. Din hija l-loġika tal-investiment preventiv.

L-enerġija m’għandhiex tkun suġġett ta’ polemika politika. Għandha tkun prijorita’ nazzjonali. Il-pajjiż għandu bżonn qbil wiesa’ dwar il-prinċipji fundamentali tal-politika tal-enerġija. Irridu naqblu li n-network għandu jkun ippjanat għal għexieren ta’ snin, mhux għal leġiżlatura waħda. Irridu naqblu li kull żieda fil-popolazzjoni u fl-attivita’ ekonomika trid tkun akkumpanjata minn investiment parallel fl-infrastruttura. U rridu naqblu li s-sigurta’ tal-provvista hija element essenzjali tas-sigurta’ nazzjonali.

L-esperjenza tal-aħħar snin għandha tkun lezzjoni. Pajjiż li jiddependi fuq sistema waħda jsir vulnerabbli. Pajjiż li jiddependi fuq sors wieħed jieħu riskju. Pajjiż li ma jinvestix fil-ħażna tal-enerġija jitlef opportunita’. U pajjiż li ma jimmodernizzax in-network tiegħu jħalli lill-familji u lin-negozji esposti għal kriżijiet li jistgħu jiġu evitati.

Malta għandha l-kapaċita’ li tibni sistema tal-enerġija moderna, diversifikata u reżiljenti.

L-ewwel interconnector kien pass importanti. It-tieni interconnector se jkun pass ieħor essenzjali. Iżda dawn iridu jkunu parti minn viżjoni ferm usa’. Viżjoni li tinkludi aktar enerġija rinnovabbli, aktar ħażna tal-elettriku, netwerk aktar intelliġenti u investiment kontinwu fl-infrastruttura.

Għax il-kwistjoni mhijiex biss jekk ikollniex biżżejjed elettriku. Il-kwistjoni hija jekk Malta hijiex tassew preparata biex tiffaċċja l-isfidi tal-futur. U f’pajjiż modern, is-sigurta’ tal-enerġija mhijiex lussu. Hija waħda mill-pedamenti tas-sigurta’ nazzjonali.

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading