Il-Fiduċja u l-Politika

Minn Osservatur Politiku

Fid-demokrazija, il-politika għandha tkun ibbażata fuq relazzjoni ta’ fiduċja bejn dawk li jmexxu u dawk li jiġu rappreżentati. Din il-fiduċja ma tinbeniex biss permezz ta’ programmi elettorali, wegħdiet jew diskorsi sbieħ. Tinbena fuq il-ħila li wieħed jisma’. Li tisma’ b’attenzjoni, b’umilta’ u b’rieda sinċiera li tifhem qabel ma twieġeb. Sfortunatament, hija proprju din il-ħila li ħafna nies iħossu li qed tonqos mill-politika tal-lum.

F’dawn l-aħħar snin, il-politika saret aktar mgħaġġla minn qatt qabel. Il-midja soċjali bidlet il-mod kif il-politiċi jikkomunikaw mal-poplu. Il-messaġġi jridu jkunu qosra, immedjati u spiss maħsuba biex jiġbdu l-attenzjoni aktar milli biex jiftħu diskussjoni. Minflok djalogu, ħafna drabi naraw monologu. Minflok smigħ, naraw dikjarazzjonijiet. U minflok konvinzjoni permezz tal-argumenti, naraw konfront kontinwu.

Dan wassal biex ħafna ċittadini jħossuhom distakkati mill-politika. Mhux għax ma għandhomx interess fil-pajjiż, iżda għax iħossu li ħadd mhu qed jisma’ dak li għandhom xi jgħidu. Il-politika ma tistax tkun eżerċizzju fejn il-politiċi jitkellmu u l-poplu jisma’. Għandha tkun proċess fejn il-poplu jitkellem u l-politiċi jisimgħu.

Li tisma’ ma jfissirx li taqbel ma’ kulħadd. Lanqas ma jfisser li kull proposta għandha tiġi aċċettata. Ifisser li tagħti spazju lil opinjonijiet differenti, li tipprova tifhem il-preokkupazzjonijiet tan-nies u li tkun lest tibdel il-pożizzjoni tiegħek jekk il-fatti jew ir-realta’ jitolbu hekk. Din mhijiex dgħufija. Hija waħda mill-akbar kwalitajiet ta’ mexxej.

Meta l-politika tieqaf tisma’, jibdew jiżdiedu s-sinjali ta’ frustrazzjoni. In-nies iħossuhom injorati, il-fiduċja fl-istituzzjonijiet tonqos u jikber is-sens ta’ ċiniżmu. Din hija waħda mill-akbar sfidi li qed jiffaċċjaw ħafna demokraziji madwar id-dinja, u Malta mhijiex eċċezzjoni.

Naraw dan f’ħafna oqsma. Residenti li jesprimu t-tħassib tagħhom dwar żvilupp eċċessiv iħossu li leħinhom ma jasal imkien. Żgħażagħ li jitkellmu dwar il-prezzijiet tal-proprjeta’ kultant iħossuhom qishom qed jitkellmu mal-ħajt. Familji li jinkwetaw dwar it-traffiku, l-ambjent, is-saħħa mentali jew il-kwalita’ tal-edukazzjoni ħafna drabi jkollhom l-impressjoni li jiġu mismugħa biss meta jkun hemm elezzjoni fil-qrib.

Il-verita’ hi li l-politika ma tistax tibqa’ tiffunzjona biss fuq il-bażi ta’ statistika ekonomika jew stħarriġ tal-opinjoni. Dawn huma għodod importanti, iżda qatt ma jistgħu jissostitwixxu l-kuntatt dirett man-nies. M’hemm l-ebda stħarriġ li jista’ jispjega l-ansjeta’ ta’ koppja żagħżugħa li ma tistax tixtri dar. L-ebda rapport ma jista’ juri bis-sħiħ il-frustrazzjoni ta’ resident li jara l-lokalita’ tiegħu tinbidel bla waqfien.

Il-politika trid terġa’ toħroġ fit-toroq, fil-komunitajiet u fid-djar tan-nies. Trid tkun preżenti mhux biss waqt il-kampanja elettorali, iżda tul il-leġiżlatura kollha. Meta politiku jiltaqa’ man-nies biss biex jitlob il-vot, ikun qed jitlef l-essenza tar-rappreżentanza.

Hemm differenza kbira bejn li tisma’ biex twieġeb u li tisma’ biex tifhem. Wisq drabi naraw reazzjonijiet immedjati, difiżi politiċi u tentattivi biex kull kritika tiġi miċħuda jew attribwita lil motivazzjonijiet partiġġjani. Iżda l-kritika mhux dejjem hija attakk. Ħafna drabi hija opportunita’ biex wieħed jifhem aħjar x’inhuma l-ħtiġijiet tan-nies.

Dan japplika wkoll għall-oppożizzjoni. L-oppożizzjoni għandha l-obbligu li tisma’ mhux biss lil dawk li jaqblu magħha, iżda wkoll lil dawk li għandhom dubji jew li ma jaqsmux il-pożizzjoni tagħha. Politika serja ma tinbeniex fuq eku ta’ vuċijiet li jgħidu l-istess ħaġa. Tinbena fuq il-kapaċita’ li tifhem opinjonijiet differenti u ssib punti komuni.

Il-midja soċjali kompliet tagħmel din l-isfida aktar diffiċli. Illum kulħadd għandu pjattaforma biex jesprimi ruħu, iżda mhux dejjem hemm spazju għal smigħ veru. Ħafna drabi nispiċċaw nitkellmu biss ma’ dawk li jaħsbu bħalna. Dan joħloq soċjeta’ aktar polarizzata, fejn il-kompromess jidher bħala dgħufija u mhux bħala sinjal ta’ maturita’ politika.
Demokrazija b’saħħitha għandha bżonn aktar minn elezzjonijiet ħielsa. Għandha bżonn kultura ta’ djalogu. Għandha bżonn politiċi li ma jibżgħux jisimgħu kritika u ċittadini li jħossuhom komdi jesprimu l-opinjonijiet tagħhom mingħajr biża’ li jiġu attakkati.

Il-politika trid ukoll titgħallem tisma’ lix-xjenza, lill-esperti u lis-soċjeta’ ċivili. Mhux kull problema għandha soluzzjoni politika biss. Xi kultant l-aqwa deċiżjonijiet jittieħdu meta l-politiku jkun lest jammetti li hemm oħrajn li għandhom aktar kompetenza minnu f’qasam partikolari.

F’Malta għandna ħafna nies ta’ kapaċita’ kbira fil-qasam tal-edukazzjoni, tas-saħħa, tal-ambjent, tal-ekonomija u tal-ġustizzja. Il-politika għandha tkun kapaċi tibni pontijiet ma’ dawn il-vuċijiet u mhux tara fihom avversarji.

L-umilta’ hija kwalita’ li ħafna drabi ma nassoċjawhiex mal-politika, iżda hija essenzjali għal tmexxija tajba. Mexxej li jemmen li dejjem għandu raġun u li qatt ma għandu x’jitgħallem minn ħaddieħor jispiċċa jitbiegħed mir-realta’. Bil-maqlub, mexxej li jisma’, li jirrifletti u li jkun lest jikkoreġi d-direzzjoni tiegħu meta jkun hemm bżonn, ikun qed isaħħaħ il-fiduċja tan-nies.

Għax il-politika hija dwar in-nies. Mhijiex dwar il-partiti, il-karigi jew il-poter. Hija dwar is-servizz pubbliku. U min jagħżel li jidħol fil-politika għandu jiftakar li l-akbar privileġġ li jista’ jingħata huwa dak li jirrappreżenta lil ħaddieħor.

Ir-rappreżentanza tibda billi tisma’. Mhux darba kull ħames snin, iżda kuljum. Mhux biss lil min jappoġġjak, iżda wkoll lil min jikkritikak. Għax ħafna drabi l-aktar kritika onesta hija wkoll l-aktar utli.

Jekk irridu nsaħħu d-demokrazija tagħna, irridu nibdew billi nsaħħu l-kultura tas-smigħ. Il-poplu Malti u Għawdxi ma jridx politiċi li jkollhom tweġiba għal kollox. Irid politiċi li jkunu lesti jisimgħu, jifhmu u jaġixxu.

Forsi wasal iż-żmien li l-politika terġa’ tiskopri waħda mill-aktar kwalitajiet importanti fit-tmexxija: mhux li titkellem l-aktar, iżda li tkun kapaċi tisma’ l-aktar. Għax meta l-politika tieqaf tisma’, id-demokrazija tibda titlef il-vuċi tagħha. U meta ċ-ċittadini jibdew iħossu li ħadd mhu qed jismagħhom, il-fiduċja, li hija l-pedament ta’ kull demokrazija, tibda tiddgħajjef.

Il-futur tal-politika f’Malta għandu jiddependi mhux biss fuq ideat ġodda jew politika innovattiva, iżda fuq relazzjoni ġdida bejn il-politiku u ċ-ċittadin. Relazzjoni mibnija fuq rispett reċiproku, djalogu sinċier u, fuq kollox, fuq il-kapaċita’ li nisimgħu lil xulxin. Għax politika li tisma’ hija politika li tifhem, u politika li tifhem hija politika li tassew tista’ tagħmel differenza.

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading