Il-Politiċi Għandhom Ikun Ivvalutati Mhux Fuq Dak Li Jgħidu Imma Fuq Dak li Jagħmlu

Minn Osservatur Politiku
Waħda mill-akbar sfidi tal-politika moderna hija li ħafna drabi l-attenzjoni tkun iffukata fuq l-elezzjoni li jmiss aktar milli fuq il-ġenerazzjoni li jmiss. Din hija realta’ li mhux biss tolqot lil Malta, iżda ħafna demokraziji madwar id-dinja.
Il-politika saret dejjem aktar dipendenti fuq ċikli elettorali qosra. Il-gvernijiet u l-oppożizzjonijiet ħafna drabi jkejlu s-suċċess tagħhom fuq dak li jista’ jagħtihom vantaġġ immedjat fil-kaxxa tal-vot aktar milli fuq dak li jista’ jġib benefiċċju fit-tul għall-pajjiż.
Madankollu, il-futur ta’ Malta jitlob xi ħaġa differenti. Jitlob politika li tkun kapaċi tittraduċi ideat tajbin u analiżi serja f’deċiżjonijiet konkreti. Jitlob tmexxija li tkun kapaċi tħares lil hinn mill-aħbarijiet tal-lum u tiffoka fuq l-isfidi tal-għada. Jitlob politiċi li mhux biss jiddiskutu l-problemi iżda wkoll iwettqu s-soluzzjonijiet.
Spiss nisimgħu ħafna kliem dwar il-ħtieġa ta’ viżjoni fit-tul. Nisimgħu dwar strateġiji nazzjonali, pjani fit-tul u dokumenti ta’ konsultazzjoni. Dawn kollha huma importanti. Iżda fl-aħħar mill-aħħar il-kejl veru ma jkunx dak li jinkiteb fuq il-karta. Il-kejl veru jkun dak li jitwettaq.
Jekk inkomplu naħsbu biss sal-elezzjoni li jmiss, inkunu qed nipperikolaw il-kapaċita’ tagħna li nindirizzaw dawn l-isfidi b’mod effettiv.
Dan ma jfissirx li l-politika għandha tinjora l-ħtiġijiet immedjati tan-nies. Għall-kuntrarju. Il-politika trid twieġeb għall-isfidi tal-lum. Iżda fl-istess ħin trid tibni l-pedamenti għall-futur.
Hawnhekk tidħol il-ħtieġa li ideat tajbin jiġu tradotti f’azzjoni konkreta. Malta ma għandhiex nuqqas ta’ ideat. Għandna universita’, professjonisti, negozjanti, unions, organizzazzjonijiet mhux governattivi u istituzzjonijiet li kontinwament jipproduċu rakkomandazzjonijiet ta’ kwalita’.
Il-problema ħafna drabi mhijiex in-nuqqas ta’ ideat. Il-problema hija n-nuqqas ta’ implimentazzjoni. Kemm-il darba rajna rapporti li spiċċaw fuq l-ixkafef? Kemm-il darba rajna konsultazzjonijiet li wasslu għal ftit jew xejn? Kemm-il darba qbilna fuq il-problema iżda ma rnexxilniex naqblu fuq is-soluzzjoni?
Il-politika trid tkun il-pont bejn l-analiżi u l-azzjoni. Dan jirrikjedi tmexxija kuraġġuża. Tmexxija li tkun lesta tieħu deċiżjonijiet li forsi ma jkunux popolari immedjatament iżda li jkunu meħtieġa għall-ġid tal-pajjiż fit-tul.
Pereżempju, jekk nafu li l-produttivita’ hija waħda mill-akbar sfidi ekonomiċi tagħna, allura rridu nibdew ninvestu aktar fl-edukazzjoni, fil-ħiliet u fl-innovazzjoni. Jekk nafu li l-popolazzjoni qed tikber b’ritmu mgħaġġel, irridu niddiskutu bis-serjeta’ l-kapaċita’ tal-pajjiż u kif nippjanaw għaliha. Jekk nafu li t-traffiku qed ikompli jnaqqas il-kwalita’ tal-ħajja u l-effiċjenza ekonomika, irridu nieħdu deċiżjonijiet kuraġġużi dwar il-mobilita’. Jekk nafu li l-ambjent jinsab taħt pressjoni kontinwa, irridu nieħdu passi konkreti biex nipproteġuh.
Dawn mhumiex suġġetti li jistgħu jiġu solvuti b’miżuri kosmetiċi jew slogans politiċi. Jeħtieġu strateġija. Jeħtieġu konsistenza. Jeħtieġu rieda politika.
Aspett ieħor importanti huwa l-ħtieġa għal aktar kollaborazzjoni. L-isfidi tal-lum huma wisq kumplessi biex jiġu solvuti minn gvern waħdu jew minn partit wieħed waħdu. Għandna bżonn aktar sħubijiet bejn il-gvern, l-oppożizzjoni, in-negozji, l-akkademja u s-soċjeta’ ċivili. Meta naħdmu flimkien, inkunu aktar kapaċi nibnu qbil nazzjonali fuq kwistjonijiet fundamentali.
Dan ma jfissirx li l-partiti għandhom jaqblu fuq kollox. Id-demokrazija teħtieġ dibattitu. Teħtieġ opinjonijiet differenti. Teħtieġ alternattivi. Iżda hemm ċerti sfidi li għandhom ikunu akbar mill-politika partiġġjana.
Naturalment, dan kollu jista’ jidher ideali wisq għal xi wħud. Xi wħud jgħidu li l-politika dejjem se tkun immexxija mill-kalkoli elettorali. Li l-partiti dejjem se jagħtu prijorita’ lil dak li jagħtihom aktar voti. Li l-viżjoni fit-tul hija sabiħa fit-teorija iżda diffiċli fil-prattika. Forsi hemm xi verità f’dan.
Iżda jekk naċċettaw dan bħala inevitabbli, inkunu qed naċċettaw politika medjokri. Inkunu qed naċċettaw li l-futur tal-pajjiż jibqa’ dejjem sekondarju għall-kalkoli tal-lum. U dan ikun żball.
Il-progress veru dejjem beda minn nies li kienu lesti jaħsbu lil hinn mill-orizzont immedjat. L-akbar investimenti fl-edukazzjoni, fis-saħħa, fl-infrastruttura u fl-istituzzjonijiet ma tawx il-frott tagħhom f’ġurnata. Ħadu snin. Xi drabi għexieren ta’ snin. Iżda llum qed ingawdu l-benefiċċji tagħhom.
L-istess responsabbilta’ għandna lejn il-ġenerazzjonijiet ta’ għada. Għax ir-responsabbilta’ mhijiex biss tal-politiċi. Hija wkoll tal-elettorat. Il-poplu għandu d-dritt jitlob aktar mill-politika. Għandu d-dritt jitlob ideat serji, pjani kredibbli u implimentazzjoni effettiva. Għandu d-dritt jistenna li l-wegħdi jsiru realta’. U għandu wkoll ir-responsabbilta’ li jivvaluta lill-politiċi mhux biss fuq dak li jgħidu, iżda fuq dak li jwettqu.
Forsi dik hija l-akbar sfida tad-demokrazija moderna. Li noħolqu kultura politika fejn il-valur ma jitkejjelx biss bil-popolarita’ immedjata iżda bil-kapaċita’ li jinbena futur aħjar. Għax il-politika m’għandhiex tkun biss dwar min jirbaħ l-elezzjoni li jmiss. Għandha tkun dwar min huwa lest jibni l-pajjiż tal-għada. U dak huwa standard li l-elettorat għandu kull dritt jitlob mingħand dawk li jagħżel biex imexxuh.
