Każ ta’ droga fil-ħabs: żewġ persuni pożittivi għall-kokaina f’Diviżjoni 3

Droga nstabet ġewwa l-ħabs aktar kmieni l-bieraħ il-Ġimgħa waranofsinhar, f’inċident li seħħ u li wassal biex issir investigazzjoni interna.
Skont informazzjoni li waslet għandna, erba’ persuni ġew identifikati bħala suspettati wara moviment suspettuż fi ħdan Diviżjoni 3. Minn testijiet li saru fuqhom, tnejn minnhom irriżultaw pożittivi għall-użu tal-kokaina u ntbatu ġo diviżjoni 6.
Sorsi infurmati qalulna li l-uffiċjali korrettivi intervjenew immedjatament wara s-suspett inizjali, u ttieħdu passi biex jiġu iżolati l-persuni involuti waqt li bdiet investigazzjoni biex jiġi stabbilit kif is-sustanza illegali daħlet fil-faċilità. Saru tfittxijiet bil-klieb ukoll.
Uffiċjal korrettiv, li tkellem magħna iżda pprefera jibqa’ anonimu, esprima tħassib serju dwar is-sitwazzjoni: “Dan hu riżultat ta’ nuqqas ta’ dixxiplina u restrizzjonijiet fuq ix-xogħol tagħna. Meta ma jitħallewx isiru kontrolli kif suppost, dawn huma l-konsegwenzi u jkun hemm ndħil,” qal l-uffiċjal.
S’issa għadu mhux magħruf jekk hemmx aktar persuni involuti jew jekk id-droga kinitx maħsuba biex tiġi distribwita fost oħrajn.
Dan il-każ qed jerġa’ jqajjem diskussjoni dwar is-sigurtà fil-ħabs u l-ħtieġa ta’ aktar kontrolli effettivi biex jiġu evitati każijiet simili fil-futur.

Din l-istorja dehert ilbieraħ fuq il-media tal-Partit Nazzjonalista. Mela dak li jippubblika dan is-sit fuq il-ħabs u droga, issa qed ikun anki ppubblikat fuq ‘l hekk imsejħa mainstream media.
